Il-Parlament Ewropew illum ivvota b’maġġoranza b’saħħitha għal proposta leġislattiva tal-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli.
“Dak li għamilna llum huwa bidu – bidu ta’ bażi li jwassalna għan-negozjati mal-istituzzjonijiet u flimkien nistgħu naslu biex intejbu l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex nagħtu pożizzjoni pożittiva,” saħqet Miriam Dalli.
Il-proposta tippreżenta miri ambizzjużi imma realistiċi dwar it-tnaqqis mill-emissjonijiet CO2 mill-karozzi. Proposti, li issa jridu jiġu negozjati mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew, li huma bbażati fuq interessi ambjentali, tal-ħaddiema, tal-industrija u l-konsumaturi.Waqt li kienet qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet fi Strasburgu, Dr Dalli spjegat il-punti prinċipali ta’ din il-liġi, filwaqt li esprimiet is-sodisfazzjoni għar-riżultat li nkiseb, minnkejja l-oppożizzjoni b’saħħitha li kien hemm.
Dalli saħqet ukoll li, minkejja li hi ġejja minn pajjiż żgħir bi ħtiġijiet differenti minn ta’ pajjiżi akbar, qalet li xorta waħda tifhem il-ħtiġijiet taċ-ċittadini madwar l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
“Ġejja minn pajjiż żgħir imma għalija kienet opportunita ta’ kif verament nistgħu nagħmlu d-differenza irrispettivament minn fejn aħna ġejjin,” spjegat Dalli. “Għalija n-negozjati ta’ qabel il-vot fil-kumitat tal-ambjent u ta’ qabel il-vot f’din il-plenarja, mal-istakeholders ġejjin minn fejn ġejjin, fetħuli għajnejja dwar kif verament nistgħu nġibu l-maġġoranza favur pożizzjoni progressiva.”
Fost dawk li għamlu pressjoni kien hemm il-lobby b’saħħtu minn naħa tal-industrija tal-karozzi.
Fl-abbozz ta’ liġi li ġiet ivvutata llum, l-MEPs ipproponew mira ogħla ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet mill-karozzi l-ġodda sal-2030 ta’ 40% (il-Kummissjoni pproponiet 30% sal-2021), b’mira intermedjarja ta’ 20% sal-2025.
Miri simili huma stabbiliti għall-vannijiet. Il-kumpanniji li jibnu l-karozzi li jkollhom medja ta’ emissjonijiet ta’ CO2 ogħla minn dawn il-miri jkollhom iħallsu multa lill-baġit tal-UE, u l-flus miġbura jintużaw biex jitħarrġu l-ħaddiema. Il-kumpanniji għandhom ukoll jiżguraw li l-vetturi b’emissjonijiet żero jew inqas minn 50g CO2/km (ZLEVs) jirrappreżentaw mill-inqas 35% tal-karozzi u vannijiet mibjugħa sal-2030, u 20% sal-2025.