Il-Parlament Ewropew ivvota biex jitwaqqfu il-pjanijiet li ilhom jiġu mħejjija biex it-Turkija tidħol fl-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni aktarx ġiet bħala rispons għar-ripressjoni t’Ankara tal-oppożizzjoni politika u l-midja indipendenti li bdiet f’Lulju wara li falla l-kolp ta’ stat.
479 Membri Parlamentari Ewropew ivvutaw favur il-mozzjoni biex jiġu emendati r-relazzjonijiiet ta’ UE-Turkija, b’37 kontra u 107 li astejnew.
Id-deċiżjoni ta’ emerġenza qed tqajjem tħassib fost dawk li jemmnu li issa, il-President Recep Tayyip Erdogan se jkompli jiħrax fuq kwistjonijiet li jirrigwardjaw id-drittijiet umani.
Aktar minn 40,000 persuna ġew arrestati wara l-falliment ta’ kolp ta’ stat militari. Fosthom hemm 145 ġurnalist, 10 membru tal-Parlament, 36 Sindki, u terz tal-ġudikaturi u prosekuti.
Il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew xerred filmat fuq il-paġna Facebook u qal li minn dejjem kien favur il-proċess tal-integrazzjoni tat-Turkija mal-Unjoni Ewropea, iżda s-sitwazzjoni issa saret intollerabbli.
Il-President tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti Demokratiċi, Gianni Pittella, qal li hemm wisq persuni li jinsabu maqfulin f’ċella mingħajr ħtija. Iddesriviha bħala inaċċettabbli u m’għandhiex issir f’pajjiż li jimxu mas-saltna tad-dritt.
Segwi hawn il-kumment kollu ta’ Gianni Pittella.