Il-maġġoranza assoluta tal-Membri Parlamentari Ewropej ivvutaw favur ir-ratifika tal-ftehim dwar il-kummerċ wara BREXIT bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.
578 Membru Parlamentari Ewropew ivvutaw favur, 51 Membru Parlamentari Ewropew ivvutaw kontra u 68 Membru Parlamentari Ewropew astjenew mill-vot.
Dan il-vot kien meqjus bħala wieħed simboliku iżda importanti biex jagħlaq kapitlu twil wara li l-poplu Brittaniku kien ivvota favur il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, f’referendum li kien sar f’Ġunju tal-2016.
Dan il-ftehim, li ġie ratifikat ilbieraħ filgħaxija mill-Parlament Ewropew, kien daħal fis-seħħ fil-bidu ta’ din is-sena iżda teknikament kien għadu miftuħ għad-dibattitu qabel il-vot tal-bieraħ.
Qabel il-vot fil-Parlament Ewropew, in-negozjatur ewlieni għall-Unjoni Ewropea dwar BREXIT, Michel Barnier, qal li BREXIT kien falliment għall-Unjoni Ewropea u saħaq li l-Ewropa għandha tieħu tagħlima minn dan l-episodju.
Il-Parlament Ewropew irratifika l-ftehim fl-isfond ta’ tensjoni bejn Franza u r-Renju Unit.
Dan wara li l-Ministru għall-Finanzi Franċiż akkuża lir-Renju Unit li m’onorax l-obbligi tiegħu fil-qasam tas-sajd, u li l-Unjoni Ewropea għandha twieġeb b’azzjoni fuq is-servizzi finanzjarji.