- Miriam Dalli tmexxi koalizzjoni progressiva biex tnaqqas l-emissjonijiet bi 30% sal-2030
Il-Parlament Ewropew bgħat messaġġ b’saħħtu favur azzjoni konkreta kontra t-Tibdil fil-Klima hekk kif intlaħaq ftehim dwar leġizlazzjoni biex l-emissjonijiet jonqsu fis-setturi tat-trasport, bini u agrikoltura b’terz sal-2030.
Il-koalizzjoni progressiva mmexxija mis-Soċjalisti u Demokratiċi rnexxielha twaqqaf il-forzi konservattivi fil-Parlament Ewropew milli ddgħajjef l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet f’dawn is-setturi. Ir-regolament magħruf bħala Effort-Sharing ġab l-appoġġ tal-Parlament b’534 vot favur, 88 kontra u 56 astensjonijiet. Din il-leġislazzjoni se tkun kruċjali għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ Pariġi (COP21).
Miriam Dalli, bħala l-kelliema tas-Soċjalisti fuq l-Ambjent u r-rapporteur tagħhom fuq din il-leġislazzjoni, ddeskriviet il-vot bħala pass kbir ‘l quddiem li jwassal għal miri aktar fit-tul sal-2050 biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.
‘Gruppi li huma favur l-ambjent ingħaqdu flimkien biex verament nagħmlu differenza. Il-Popolari Ewropej minn naħa l-oħra għamlu minn kollox biex idgħajfu dan il-ftehim. Jeħtieġ li nassiguraw li l-gvernijiet Ewropej jonoraw l-impenji li ħadu u jieħdu miżuri konkreti biex inaqqsu l-emissjonijiet. Kull settur jeħtieġ li jikkontribwixxi biex iwaqqaf l-impatti tat-Tibdil fil-Klima, u din il-leġislazzjoni tindirizza propju dan,’ rrimarkat Dr Dalli.
Il-pożizzjoni tas-Soċjalisti u Demokratiċi se twassal għal aktar kontrolli frekwenti biex jaraw li kull Stat Membru qed jimxi ‘l quddiem fit-tnaqqis tal-emissjonijiet.
Il-vot ittieħed wara dibattitu fil-Parlament Ewropew fuq id-deċiżjoni tal-President Amerikan Donald Trump li jirtira mill-ftehim ta’ Pariġi. Miriam Dalli ddeskriviet din id-deċiżjoni bħala daqqa ta’ ħarta lis-sens komun. ‘Dan l-intopp mhux se jnaqqas mid-determinazzjoni tagħna biex naġixxu. Jeħtieġ li mmexxu u nispiraw. Dan huwa ż-żmien għal azzjoni konkreta. Iż-żmien fejn niddeċiedu bħala kontinent wieħed maqgħud fuq liem naħa tal-istorja rridu nkunu,’ enfasizzat Dr Dalli.
Il-Parlament Ewropew kien indirizzat ukoll minn Hilda Heine, President tal-Gżejjer Marshall li regolarment jispiċċaw taħt l-ilma minħabba żieda fil-livell tal-baħar, u li qed jesperjenzaw spostament kbir ta’ nies li jiċċaqilqu minħabba l-effetti tat-Tibdil fil-Klima.