Wara snin, il-Parlament Ewropew iddiskuta s-saltna tad-dritt fil-Greċja. Dan wara li kien hemm reżistenza qawwija biex dan ma jseħħx min-naħa tal-Partit Popolari Ewropew, li jagħmlu parti minnu l-Partit Nazzjonalista u l-Membri Parlamentari Ewropej tiegħu, Roberta Metsola u David Casa.
Kontra dak li rsistew għalih dwar Malta stess, anke bla ebda raġuni valida, tal-EPP irreżistew dan għal żmien twil u xtaqu li tali dibattitu Parlamentari jżommuh fuq l-ixkaffa, iżda bl-insistenza tal-Grupp tas-Soċjalisti dan ġie diskuss.
Ħadna l-kummenti tal-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista, Cyrus Engerer, li għadu kemm ġie assenjat mis-Soċjalisti u d-Demokratiċi bir-responsabbiltà f’dan ir-rigward.
“Rajna l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista dwar is-saltna tad-dritt. Ipokrezija ilha għaddejja fil-Parlament Ewropew, għax għal diversi snin issa xtaqna li niddiskutu t-tema tas-saltna tad-dritt fil-Greċja. Però l-Partit Nazzjonalista kontinwament waqqafna milli niddiskutuha fil-plenarja. Ovvjament għax fil-Greċja, għad-differenza ta’ Malta, għandek gvern immexxi tal-Partit Popolari Ewropew, allura l-Partit Nazzjonalista diskussjoni bħal din ma jkunx iridha.”
Cyrus Engerer – MPE Partit Laburista
ONE News tkellem ma’ Engerer hekk kif il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi appuntah mill-ġdid biex imexxi n-negozjati dwar is-saltna tad-dritt, din id-darba fil-Greċja.
Spjega s-sitwazzjoni li hemm f’dan il-pajjiż, immexxi mill-Partit Nazzjonalista ta’ Kyriakos Mitsotakis.
“Kellek il-Gvern u l-istituzzjonijiet tiegħu li kienu qegħdin jispijjaw, jitteppjaw, il-mowbajls ta’ ġurnalisti, ta’ attivisti, kif ukoll ta’ diversi politiċi min-naħa tal-Oppożizzjoni fejn il-Gvern qiegħed jisma’ dak li kienu qegħdin jgħidu fuq il-mowbajl dawn in-nies.”
Cyrus Engerer – MPE Partit Laburista
Engerer qal li s-Soċjalisti jemmnu fis-saltna tad-dritt kullimkien, iżda mhux l-istess jista’ jingħad għall-EPP.
“F’Marzu li għadda meta kellek delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li riedet tmur il-Greċja biex timmoniterja dak li qed jiġri fuq l-art fil-Greċja, Roberta Metsola, bħala President ta’ dan il-Parlament, flimkien mal-Partit Popolari Ewropew tan-Nazzjonalisti, ipprovaw iwaqqfu milli jkollok delegazzjoni li tmur fil-Greċja.”
Cyrus Engerer – MPE Partit Laburista
Temm jgħid li dan hu bil-kontra ta’ dak li jagħmlu kull darba l-Membri Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola u David Casa, li instigaw dibattiti kontra pajjiżna, waqt li d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew ġew f’Malta u ltaqgħu mal-awtoritajiet.