Hekk kif il-Kummissarji Ewropej nominati bdew bil-magħruf grilling fejn jgħaddu minn skrutinju iebes biex isibu posthom fil-Kummissjoni Ewropea l-ġdida mmexxija minn Ursula Von Der Leyen, tnejn minnhom diġa bdew bil-banda.
Rovana Plumb mir-Rumanija u László Trócsányi mill-Ungerija lanqas biss għamluha għal famużi sessjonijiet ta’ grilling li se jibqgħu għaddejin sat-8 t’Ottubru.
Fil-fatt kumitat legali tal-Parlament Ewropew irrifjuta li jħalli lil dawn iż-żewġ persuni nominati biex għall-inqas jpoġġu għall-grilling li jkun karatterizzat minn mistoqsijiet iebsin u kumplessi qabel mal-Parlament Ewropew jivvota fuq in-nominazzjoni tal-Kummissarju inkwistjoni.
Dan il-kumitat waqqaf lil dawn iż-żewġ persuni fuq possibilment kunflitt ta’ interess hekk kif ir-Rumena hu mifhum li twaqqfet fuq xi self ta’ flus li kienet ħadet filwaqt li l-Ungeriż issemma f’irregolaritajiet li seta’ kellu f’kumpanija li waqqaf tmienja u għoxrin sena ilu.
Dak li kien il-Kummissarju nominat mill-Gvern Ungeriż qal li se jieħu passi legali kontra din id-deċiżjoni li qed timpedixxih li jmur għal smigħ biex kemm imbagħad isir Kummissarju Ewropew.
Kwistjoni li qed taħraq f’dan kollu hu li l-kumitat legali magħmul minn numru ta’ membri parlamentari Ewropej ħadu żewġ voti u kien fit-tieni vot li għaddiet tal-maġġoranza li twaqqaf ħesrem lil dawn iż-żewġ Kummissarji nominati.
Ir-Rumena Rovana Plumb kienet nominata bil-portafol tat-Trasport filwaqt li l-Ungeriż László Trócsányi kien nominat li jkun il-Kummissarju għall-Espansjoni tal-Unjoni Ewropea.
Issa jmiss li dawn iż-żewġ pajjiżi jidħlu f’trattattivi mal-President elett tal-Kummissjoni Ewropea Von der Leyen biex iressqu żewġ ismijiet ġodda.
Intant il-Kummissarju nominata Maltija Helena Dalli mistennija li l-Erbgħa wara nofsinhar tagħmel mas-siegħa u nofs twieġeb il-mistoqsijiet tal-membri parlamentari Ewropej.
Helena Dalli hija nominata biex tkun Kummissarju għall-Ugwaljanza.
Portafoll li ntlaqa’ minn bosta hekk kif Dr. Dalli ħadmet qatigħ anki f’Malta dan il-qasam.
Fil-fatt kienu bosta għaqdiet internazzjonali li jaħdmu fil-qasam tal-ugwaljanza li laqgħu b’sodisfazzjon in-nomina ta’ Helena Dalli u l-portafoll propost lilha.