Il-Kumitat tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza assoluta favur ir-rapport tal-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba fuq iċ-charger komuni.
Dan bi 43 vot favur, 2 kontra u xejn astensjonijiet. B’hekk ir-rapport irċieva votazzjoni favurih ta’ 95.5%.
B’reazzjoni għal dan, Alex Agius Saliba sostna li dan ir-rapport huwa importanti kemm għall-konsumatur u kif ukoll għall-ambjent. Dan hekk kif filwaqt li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-konsumatur u jiffranka li joqgħod jinxtara charger differenti għal kull apparat elettroniku, issa permezz ta’ dan ir-rapport se jiġu ffrankati bejn l-10,000 u 13,000 tunnellata ta’ skart magħruf bħala e-waste.
Saliba spjega kif issa se jkun jista’ jibda jinnegozja b’mod dirett il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew mal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea.
Negozjati li jekk jintemmu b’suċċess jagħtu perjodu ta’ massimu ta’ disa’ xhur lill-kumpaniji biex ipoġġu dak li l-leġiżlazzjoni qed tgħid fil-prattika.
B’hekk minn hawn u ftit tax-xhur oħra ċ-ċittadini ikunu jistgħu jgawdu minn charger komuni għall-prodotti elettroniċi ta’ daqs żgħir u medju. Dawn jinkludu laptops, smartphones, tablets, smart-watches, digital cameras, keyboards, printers u headphones fost oħrajn.
Iċ-charger komuni li ser ikun qed jiġi adottat huwa tat-tip USB-type C.
F’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, ir-rapport li nnegozja Alex Agius Saliba jikkunsidra ukoll dawk li huma wireless chargers li dejjem qed jiżdied l-użu tagħhom.
Agius Saliba qal, “Jiena ninsab kuntent. Kuntent li għal darb’oħra ngħatajt mandat b’saħħtu ħafna ta’ iktar minn 95% mill-ewroparlamentari kollegi tiegħi sabiex issa minn hawn u ġimgħatejn oħra nibda n-negozjati f’isem il-Parlament Ewropew mal-Kummissjoni u l-Kunsill sabiex inthom il-konsumaturi Maltin u Għawdxin u konsumaturi ewropej tibdew tibbenefikaw minn dan ic-charger komuni.”