B’maġġoranza kbira l-Parlament Ewropew approva rapport bi proposti mpoġġija quddiemu mill-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant bħala Rapporteur tas-Soċjalisti u Demokratiċi.
F’dan ir-rapport, Sant jagħmel numru ta’ proposti dwar investimenti ġodda fl-Ewropa.
F’kummenti ma’ One News, Sant spjega li minkejja li fl-Ewropa qed jonqos il-qgħad u qed jinħolqu impjiegi ġodda, il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea qiegħda fid-dubju.
“L-investimenti jinsabu lura, qed jilħqu livelli li huma iktar baxxi minn dak li huma mistennija, jew minn dak li konna mdorrija bihom fl-Ewropa sa’ għaxar snin ilu, u allura l-isfida hija x’għandu jsir biex jiġi nkoraġġit l-investiment: kemm pubbliku u kemm privat.”
Investiment li, skont Sant, għadu baxx ħafna.
Tendenza li qed isseħħ mhux biss fl-Ewropa, imma fid-dinja kapitalista. Tendenza li trid, fi kliem Sant, titreġġa’ lura.
“Fl-Ewropa nafu li hemm ċerti affarijiet li qed iżommu lura l-investiment. Hemm bżonn li dawn ix-xkilijiet jitneħħew. Imma xorta waħda jibqa’ l-argument għaliex fid-dinja tal-lum l-investimenti qed jibqgħu daqstant baxxi. U bħalissa fl-Ewropa – tneħħi Malta, għax Malta każ speċjali bħalissa – fl-Ewropa il-ħolqien t’impjiegi mhux qed ikun tajjeb biżżejjed.”
Sant saħaq dwar il-ħtieġa ta’ aktar riżorsi għall-ħolqien ta’ kultura Ewropea ta’ investiment, b’investimenti ġodda fl-edukazzjoni, attività diġitali, ix-xjenzi bażiċi għar-riċerka u żvilupp, u innovazzjoni.
Dan flimkien mal-bżonn li jitħaffu proċeduri biex intrapriżi żgħar ikollhom aċċess għal għajnuniet finanzjarji, u jkunu kjarifikati aħjar setturi bħad-diġitali u l-enerġija biex tinħoloq politika Ewropea koerenti.
Fl-aħħarnett, Sant qabel mal-enfasi li l-Kummissjoni Ewropea qed tagħti lill-investiment. Żied jgħid però li l-Kummissjoni trid tisħaq aktar dwar investiment pubbliku – li jkun iffukat, ippjanat u implimentat aħjar – minkejja li mhux kulħadd jaqbel ma’ dan.