Illum is-Soċjalisti u Demokratiċi ġabu l-appoġġ għal proposti leġislattivi ambizzjużi u fattibli li se jkunu l-ewwel pass għal ekonomija ċirkolari (circular economy).
Il-proposti jtejbu u jirrevedu regoli fuq l-immaniġġjar tal-iskart, inaqqsu l-impatt tal-ippakkjar u skart simili, u jdaħħlu miri aktar ambizzjużi fuq ir-riċiklar u t-tnaqqis tal-iskart ġenerat mill-ikel fost inizzjattivi oħra.
Il-Kelliema għall-Ambjent f’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi Dr Miriam Dalli, qalet li din il-proposta leġislattiva li fuqha ttieħed il-vot tgħaqqad l-interessi tal-ambjent u l-ekonomija. “It-triq l’ quddiem hi l-integrazzjoni ta’ riżorsi effiċjenti fil-produzzjoni ta’ kuljum. Fejn l-iskart ta’ wieħed isir ir-riżorsa ta’ ieħor. Fejn ir-riżultat li joħroġ minn industrija jsir il-materjal li jidħol f’oħra,” irrimarkat Dr Dalli.
F’ekonomija ċirkulari, prattikament kull materjal mhux rinnovabbli jkompli jiċċirkola f’sistema fejn l-iskart tal-konsumaturi jkun miġbur b’mod effettiv u rriċeklat biex jintuża fil-produzzjoni t’affarijiet ġodda. B’dan il-mod titnaqqas ħafna l-ġenerazzjoni ta’ skart. Materja prima tintuża biss meta materja sekondarja ma tkunx disponibbli.
Miriam Dalli enfasizzat li l-bidla meħtieġa ma tiġix mill-liġijiet biss. “Għandna bżonn regolamentazzjoni intelliġenti flimkien ma’ għodda li jiffunzjonaw fis-suq u diversi inċentivi. Din tista tispira ż-żgħażagħ tagħna, li huma l-aktar nies li jaraw l-element ta’ opportunità fejn ħaddieħor jara sfida. Dan hu ċ-ċans biex ikunu oriġinali, innovattivi u jgħinu jibnu mill-ġdid sistema sħiħa li tkun sostenibbli,” qalet Miriam Dalli.
Ir-rapporteur tas-Soċjalisti u Demokratiċi Simona Bonafe ddeskriviet il-vot tal-lum bħala pass kbir ‘l quddiem.
“Irridu nimxu lil hinn mill-mudell attwali li l-konsumatur jieħu, juża u jarmi oġġett għal mudell fejn prodotti huma maħsuba li jkunu jistgħu jissewwew, jintużaw mill-ġdid, jiġu rriċeklati u rimanifatturati. Ħafna mill-prodotti tal-lum huma ddiżinjati biex jinbidlu fi spazju ta’ sentejn jew tlieta. Jekk nkomplu b’dan ir-ritmu, sal-2050 ikollna bżonn tliet darbiet aktar ir-riżorsi li nużaw illum, u bħalissa diġa qed nużaw aktar riżorsi minn kemm qed tipproduċi d-dinja,” temmet tgħid Bonafe.