Il-Parlament Ewropew ivvota favur il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, dik tal-passaport tal-vaċċin, magħruf bħala d-‘Digital Green Certificate’.
Dan tħabbar il-Ħamis filgħodu fil-Parlament Ewropew fi Brussell, hekk kif l-Erbgħa filgħaxija saret il-votazzjoni b’ 540 Membru Parlamentari Ewropew ivvutaw favur, 119-il Membru Parlamentari Ewropew ivvutaw kontra filwaqt li 31 Membru Parlamentari Ewropew astjenew.
Dan il-vot qed jassigura dritt fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dak li ċ-ċittadini Ewropej jivvjaġġjaw b’mod sigur.
Dan iċ-ċertifikat mhux biss se jfisser li jkun hemm safar b’mod sigur, iżda wkoll moviment ħieles u sigur għal dawk iċ-ċittadini Ewropej li jaħdmu fl-Unjoni Ewropea.
Lura f’nofs Marzu, il-Kummissjoni Ewropea permezz tal-President tagħha, Ursula von der Leyen ħabbret li dan il-passaport tal-vaċċin se jkun fuq il-bażi ta’ nies imlaqqma, dawk li jkollhom test negattiv u ċertu nies li kienu pożittivi għall-virus fil-passat u għalhekk għandhom l-immunità għall-virus.
Dan il-passaport, li mistenni jibda jintuża fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea minn Ġunju li ġej, se jkun wieħed bla ħlas u se jkun qed jingħata b’mod tradizzjonali, jiġifieri fuq karta jew b’mod diġitali.
Id-Digital Green Certificate se jkun attrezzat b’karatteristiċi ta’ sigurtà, hekk kif se jkun hemm QR Code, sabiex jagħmilha iżjed diffiċli biex wieħed jiffalsifikah.
Dan il-passaport tal-vaċċin mhu se jkun qed jiddiskrimina lil ħadd, hekk kif dawk li ma jistgħux jew ma jridux jitlaqqmu, xorta waħda jistgħu jużawh billi jippreżentaw test negattiv qabel jivvjaġġaw, li se jkun immarkat f’dan il-passaport ukoll.
Malta kienet fost tal-ewwel pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li appellat biex isir dan il-passaport ħalli jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar.
Il-Prim Ministru Malti Robert Abela kien bagħat ittra lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, f’Jannar li għadda, tant li ġiet irrappurtata fuq is-sit awtorevoli Politico.
Waqt l-aħħar summit tal-Kunsill Ewropew, li sar b’mod virtwali fl-aħħar tax-xahar li għadda, Dr Abela saħaq sabiex jitħaffef il-proċess ta’ tilqim madwar l-Ewropa sabiex jinħoloq dan il-passaport tal-vaċċin.
Fuq Twitter, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen laqgħet il-fatt li dan ġie approvat mill-Parlament Ewropew u qalet li issa tħares ‘il quddiem sabiex din l-għodda tgħaddi mill-Kunsill Ewropew.