Il-Parlament Ewropew approva ċ-ċertifikat diġitali tal-Covid-19 għall-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea ser jirrikonoxxu dan iċ-ċertifikat bħala prova ċara ta’ vaċċinazzjoni.
Dan filwaqt li se jiċċertifika wkoll li persuna riċentament kellha riżultat negattiv għall-Covid-19 jew li riċentament tkun irkuprat mill-infezzjoni.
Fi stqarrija, il-Parlament Ewropew qal li fil-prattika dawn ser ikunu tliet ċertifikati separati iżda verifikabbli fl-istati membri kollha.
Iċ-ċertifikat ser jiffaċilità l-moviment ħieles u ser iwassal għat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet madwar l-Unjoni Ewropea.
Dan iċ-ċertifikat ser jidħol fis-seħħ għal tnax-il xahar mill-1 ta’ Lulju. Dan ser jinħareġ bla ħlas mill-awtoritajiet nazzjonali u mistenni li jkun disponibbli f’forma diġitali u stampata.
Fil-Parlament Ewropew illum, il-Membri Parlamentari Ewropej lestew xogħol leġislattiv fuq dan iċ-ċertifikat diġitali tal-Covid-19.
Il-plenarja approvat Regolamenti għal ċittadini Ewropej b’546 voti favur, 93 kontra u 51 astensjoni u fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kien hemm 553 vot favur, 91 kontra u 46 astensjoni.