Il-Parlament Ewropew ivvota favur biex l-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni kontra l-Polonja minħabba s-Saltna tad-Dritt.
Dan hekk kif il-Qorti Suprema ta’ dan il-pajjiż kienet iddeċidiet li l-liġi Ewropea mhiex suprema għal dik Pollakka f’ċertu sitwazzjonijiet.
Dan il-vot ittieħed wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, fil-Parlament Ewropew kien hemm dibattitu jaħraq bejn il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-Prim Ministru Pollakk.
F’dan id-dibattitu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet kif il-Kummissjoni li tmexxi hi se tieħu l-passi kollha sabiex tipprevjeni milli l-Polonja timmina l-valuri Ewropej.
Dan filwaqt li l-Prim Ministru Pollakk akkuża lill-Unjoni Ewropea li qed thedded lil pajjiżu.
Din ir-riżoluzjoni li tressqet għal vot il-Ħamis quddiem il-Parlament Ewropew, għaddiet hekk kif 502 membri vvutaw favur, 153 membru vvotaw kontra, waqt li 16-il membru astjenew.
Intant, il-Partit Soċjalista Ewropew laqa’ dan il-vot, hekk kif il-Parlament Ewropew ma waqax għal propoganda li pprova jressaq il-Prim Ministru.
Intqal kif dan il-vot huwa kundanna bil-qawwa tal-attakk tal-Gvern Pollakk fuq is-saltna tad-dritt.