Il-Parlament Ewropew, immexxi minn Roberta Metsola, ġie mmultat mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar jiem wara li naqas milli jipproteġi whistleblower li rrapporta każ ta’ frodi u abbużi personali minn Membru Parlamentari bil-konsegwenza li spiċċa mkeċċi mill-impjieg.
Rapport fis-sit internazzjonali EU Observer jidħol fid-dettal dwar kif l-istituzzjoni fi Brussell instabet ħatja għan-nuqqasijiet gravi tagħha u kif ħaddiema fil-Parlament Ewropew jibżgħu jagħmlu l-pass li jirrapportaw inċidenti serji simili, anke jekk Metsola, fl-aħħar żmien, wegħdet regoli stretti u protezzjoni qawwija lil min jgħaddi minn abbużi simili.
Is-sit awtorevoli Politico wkoll irrapporta dwar dan u ħares lejn id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea, fejn ġie enfasizzat li assistenti ta’ MEPs, li jkunu xhieda ta’ mġieba ħażina mill-kapijiet tagħhom, jissograw li jitilfu posthom u d-dħul finanzjarju tagħhom jekk jitkellmu.
Is-sena l-oħra ġie rrapportat kif madwar 140 Membru tal-Parlament Ewropew fil-leġiżlatura li għaddiet għamlu użu ħażin mill-fondi allokati lilhom, waqt li xi wħud kienu wkoll jheddu u jimmaltrattaw lill-assistenti assenjati mal-uffiċċju tagħhom.
Fil-każ inkwistjoni deċiż mill-Qorti, assistent li rrapporta l-abbużi u użu ħażin tal-finanzi Ewropej mill-MEP li kien jaħdem miegħu taħt il-liġi tal-whistleblowers, kellu d-dettalji tiegħu esposti mill-Parlament Ewropew, bil-konsegwenza li l-kuntratt tiegħu ma ġiex mġedded, anke jekk kien trasferit ma’ uffiċċju ta’ MEP differenti.
Wara li appella u akkuża lill-Parlament Ewropew ta’ Metsola li ċaħħdu minn status ta’ whistleblower u allura naqas milli jipproteġih, it-talba tiegħu ġiet irrifjutata.
Minkejja dan, il-każ spiċċa quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li tagħtu raġun anke jekk parzjalment.
Hawn il-Qorti sabet li l-Parlament Ewropew naqas mid-dmirijiet tiegħu f’każ daqstant serju, għalkemm iddikjarat li d-deċiżjoni li ma jiġix estiż il-kuntratt tal-persuna kien wieħed legali minħabba l-ħtieġa li jkun hemm fiduċja reċiproka bejn assistent u l-MEP.