Il-Parlament Ewropew illum irratifika il-Konvenzjoni Minamata tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Merkurju, bl-għan li tissalvagwardja s-Saħħa Pubblika u l-Ambjent mill-perikli li jġib miegħu l-merkurju.
Deskritt bħala pass importanti ‘l quddiem biex jiġu protetti aktar iċ-ċittadini Ewropej, il-kelliema tas-Soċjalisti u Demokratiċi fuq is-Saħħa Miriam Dalli qalet li kien imperattiv li l-Unjoni Ewropea jkollha miżuri adegwati li jipproteġu liċ-ċittadini u l-ambjent mill-effetti perikolużi tal-merkurju.
‘Il-merkurju hu meqjus fost l-aktar għaxar kimiċi ta’ tħassib għas-saħħa pubblika skond l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO). Meta rilaxxat fl-arja, fl-ilma jew fuq l-art, il-merkurju għandu konsegwenzi serji ħafna kemm għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-ambjent ta’ madwarna. Bir-ratifika tal-Konvenzjoni Minamata qed innaqqsu r-riskji għas-saħħa pubblika u nipprevenu ħsara oħra milli sseħħ,’ qalet Dr Dalli.
L-MEP Maltija żiedet tgħid li s-Soċjalisti u Demokratiċi se jibqgħu jagħmlu pressjoni biex il-Kummissjoni Ewropea tindirizza wkoll l-isfidi globali li ġejjin mill-użu tal-merkurju.
Din il-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tipprojbixxi minjieri ġodda tal-merkurju u t-tneħħija gradwali ta’ minjieri eżistenti, it-tneħħija tal-merkurju minn diversi prodotti, emissjonijiet b’mod ikkontrollat, u miżuri oħra li jindirizzaw aspetti ta’ ħażna u rimi ta’ dan l-element.
Permezz tal-Mercury Regulation li ġiet approvata mill-Parlament Ewropew f’Marzu li għaddha, is-Soċjalisti u Demokratiċi kisbu wkoll projbizzjoni fuq l-użu tal-merkurju fid-dentistrija f’popolazzjonijiet vulnerabbli, u qed jimbuttaw biex dan jitneħħa għal kollox fl-Unjoni Ewropea kollha.
L-MEP Taljan Massimo Paolucci, li serva wkoll bħala n-negozjatur ewlieni tas-Soċjalisti fuq dan ir-regolament, spjega li minħabba t-tossiċità tiegħu, l-użu tal-merkurju diġa tneħħa minn prodotti bħat-termometri, iżda għadu preżenti f’prodotti oħra tad-dawl bħal bozoz fluworexxenti u switches, u batteriji.
‘Fir-rigward tal-użu tal-merkurju fid-dentistrija diġa ksibna l-projbizzjoni milli jintuża għal nisa tqal u tfal fl-Unjoni Ewropea. Issa hu ż-żmien propizju biex nappellaw l-iStati Membri kollha biex jimplimentaw projbizzjoni totali,’ temm jgħid Paolucci.