L-abbozz ta’ liġi marbut mar-riforma tal-użu responsabbli tal-kannabis se jiġi diskuss fil-Parlament dalwaqt, wara l-estimi tal-Budget.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarjiet bit-tema ‘Malta li rridu għal Uliedna’, fejn intqal li l-oqsma tal-ugwaljanza, r-riċerka u l-innovazzjoni raw żieda f’fondi ta’ erbgħin fil-mija, meta kkumparat mal-Budget tas-sena ta’ qabel.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li fil-qasam tal-Ugwaljanza, il-Ministeru se jtella’ kampanja t’għarfien dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Apparti minn hekk, huwa sostna li l-Ministeru se jkun qiegħed joħloq aktar kuxjenza dwar it-traffikar uman, sabiex anke tiġi miġġielda din l-isfida dinjija.
Il-Ministru Bonnici spjega li r-riċerka għall-innovazzjoni hija għodda importanti fil-kuntest ta’ rkupru wara l-pandemija.
Il-Ministru qal li l-Gvern qiegħed jidħol f’kollaborazzjoni m’universitajiet barranin, kif ukoll l-MCAST, sabiex f’din tal-aħħar jiġu nkoraġġiti aktar studenti biex jagħżlu t-triq tax-xjenza u l-informatika.
Tħabbar ukoll kif il-pjanijiet huma li l-użu taċ-Ċentru għax-Xjenza u t-Teknoloġija f’Bighi jikber.
Il-Ministru stqarr kif dawn il-proġetti u l-ugwaljanza u innovazzjoni b’mod ġenerali, huma s-sisien tal-futur ta’ pajjiżna. “Aħna nemmnu li dawn huma setturi li huma ċ-ċavetta biex pajjiżna jkompli jittejjeb, jissaħħaħ u jkompli jagħmel il-pass li jmiss. L-ugwaljanza, għaliex aħna nemmnu li kulħadd għandu jingħata d-dritt tal-opportunità, l-ekwità li tagħti dik l-għajnuna biex il-persuni u l-entitajiet kollha jagħtu l-ikbar ċans tagħhom biex jirnexxu f’pajjiżna. Ir-riċerka u l-innovazzjoni għaliex nemmnu li fit-talent tagħna, l-Maltin u barranin li jridu jaħdmu magħna, hemm iċ-ċavetta għall-ħolqien tat-tkabbir ekonomiku, ta’ ġid ġdid u karrieri ġodda.”