Fil-Parlament, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anglu Farrugia nieda ktieb bit-titlu “‘Social Inclusion of Invisible Disabilites’ in Parliament”, ġabra ta’ diskorsi li seħħew fil-Parlament fil-11 ta’ Mejju, fejn ġew mistiedna numru ta’ kelliema u esperti fuq numru ta’ kundizzjonijiet, partikolarment Fibromyalgia u ME.
Żewġ kundizzjonijiet li għalkemm ma jidhrux, iġibu tbatija kbira lil dawk li jbatu minnhom.
Fit-tnedija ta’ din il-pubblikazzjoni, intqal kif diġà saru passi tajbin ‘il quddiem f’pajjiżna dwar dawn il-kundizzjonijiet, fosthom li ġew rikonoxxuti bħala kundizzjonijiet mediċi, u l-introduzzjoni tal-marijuana għall-użu mediku – li tista’ tkun ta’ benefiċċju għal dawn il-persuni. Dan flimkien mal-ftuħ ta’ klinika apposta.
Minn naħa taghħa, il-President tal-ME, CFS & Fibrymyalgia, Ruth DeBono għarfet it-titjib li sar, u saħqet li hemm iżjed xi jsir. Dan għaliex dawn il-kundizzjonijiet huma diffiċli li tinstabilhom kura, u persuni li jbatu bihom saħansitra ġieli jispiċċaw ibatu l-faqar minħabba li ma jkunux jistgħu jaħdmu.
Għaldaqstant sostniet li għandu jkun hemm rikonoxximent li dan hu mard li jista’ jikkuġuna diżabilità, u jikber l-għarfien li dawn huma kundizzjonijiet imprevedibbli – fejn is-sintomi jistgħu jinbidlu b’mod drastiku f’temp ta’ ftit ħin.
Għaldaqstant l-Ispeaker Anglu Farrugia spjega kif bis-seduta ta’ Mejju, kif ukoll b’din il-pubblikazzjoni, il-Parlament qed jimmira li jkun dejjem iktar qrib tal-poplu u ta’ dawn ir-realtajiet li jistħoqqilhom l-attenzjoni.