Fl-aħħar seduta tal-Parlament għal din is-sena ġie approvat il-baġit għas-sena d-dieħla bit-tema ‘Malta Ġusta’.
Dan hekk kif il-membri tal-Gvern ivvotaw favur, waqt li l-Oppożizzjoni vvotat kontra tal-baġit għas-sena d-dieħla, li huwa wieħed soċjali.
Il-baġit għas-sena d-dieħla se jinvesti €350 miljun biex il-kontijiet tad-dawl u l-prezzijiet tal-fuel jibqgħu stabbli għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin, kif sar fl-aħħar sentejn mill-bidu tal-Gwerra fl-Ukrajna.
Apparti hekk il-baġit għas-sena d-dieħla għandu bosta miżuri soċjali, fosthom iż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, żieda fil-pensjonijiet u fiċ-Children’s Allowance.
Fl-istess seduta, il-Parlament ivvota b’mod unanimu favur li żgħażagħ ta’ 16 jew 17-il sena jistgħu jsiru Sindki jew Viċi Sindki.
Dan dejjem jekk fl-elezzjoni, dawn iż-żgħażagħ jingħataw il-fiduċja tal-poplu u jġibu l-akbar ammont ta’ voti f’dik il-lokalità rispettiva.
F’kitba fuq il-midja soċjali, il-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li meta din il-liġi tkun iffirmata mill-President, Malta se tkun l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li se ddaħħal din ir-riforma storika.
Sadanittant, fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-ħidma parlamentari tul din is-sena twettqu aktar riformi importanti.