Edward Farrugia, li ppoża ta’ parker f’parkeġġ pubbliku fil-Belt, ingħata sentenza ta’ 6 xhur ħabs u ġie mmultat €2,000 wara li m’obdiex ordni tal-Qorti biex ma jersaqx lejn il-parkeġġ.
Farrugia ġie arrestat bħal-llum ġimgħa fil-parkeġġ ta’ Hastings, fejn kien qed joffri servizz biex jaħsel il-karozzi. Hu inżamm taħt il-kustodja minn dak inhar.
L-uffiċjali ta’ Transport Malta kienu ilhom jinsistu mas-sur Farrugia biex ma jibqax fil-parkeġġ fejn kien qed jippoża ta’ parker meta m’għandux it-tag ta’ Transport Malta. L-Awtorita’ fetħitlu żewġ kawżi l-qorti imma hu ma tax widen u baqa’ jiffastidja lis-sewwieqa.
Transport Malta ġabret aktar evidenza u fetħitlu kawża oħra. Fil-5 ta’ Jannar, il-Maġistrat Joe Mifsud immultah €500, il-massimu li tippermetti l-liġi, u ordnalu ma jersaqx lejn iż-żona.
Minkejja dan, hu reġa’ ġie arrestat ħmistax wara fejn reġa’ deher quddiem il-Maġistrat Mifsud u ġie kkundannat 6 xhur ħabs filwaqt li mmultat €2,000, wara li injora l-ordni tal-Qorti,
Is-sewwieqa jistgħu jipparkjaw bla ħlas fil-parkeġġi pubbliċi u mhumiex obligati jagħtu donazzoni. Il-parkers liċenzjati għandhom jilbsu t-tag ta’ Transport Malta Transport Malta ħeġġet lil kull min jiltaqa’ ma’ xi abbuż biex jirraporta fuq il-freephone 80072393.