L-Awtorità tal-Ippjanar approvat applikazzjoni ta’ Project Green biex il-Park tal-Familja f’Bengħajsa, Birżebbuġa jikber b’7,000 metru kwadru.
Dan wara li matul il-jum tat-Tnejn ġiet approvata l-applikazzjoni biex 20,000 metru kwadru t’art f’Wied Inċita tiġi riġenerata għat-tgawdija tal-pubbliku.
Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir jilqa’ l-approvazzjoni ta’ din l-applikazzjoni. Ifisser li l-Park tal-Familja f’Bengħajsa, li jinsab fin-Nofsinhar ta’ Malta, se jkun qiegħed joffri spazju rikreattiv b’total ta’ 27,000 metru kwadru.
Il-Park tal-Familja fetaħ il-bibien tiegħu għall-familji f’Marzu tas-sena l-oħra.
Il-proġett ta’ espansjoni jinkludi t-tħawwil ta’ ’l fuq minn 140 siġra ġdida bħal tal-balluta, tal-ħarrub u tar-rand. Il-pavimentar ta’ geogrid huwa intiż biex jistabbilizza l-ħamrija u b’hekk jipprovdi passaġġ aċċessibbli filwaqt li jżomm l-elementi naturali tal-art. Se jiġu installati wkoll faċilitajiet ta’ rikreazzjoni bħal slides u faċilitajiet inklużivi, b’materjali sostenibbli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri tenna l-impenn ta’ Project Green li tkompli bit-twettiq ta’ għexieren ta’ proġetti ta’ tħaddir urban li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom.