Il-park and ride biswit il-proġett tal-Marsa Junction jinkludi mija u tmenin spazju ta’ parkeġġ aktar minn dak miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport Ian Borg f’konferenza tal-aħbarijiet fuq il-pont pedonali tal-Marsa Junction hekk kif elenka bosta inizjattivi favur trasport alternattiv li jinkludi fi ħdanu dan il-proġett.
Fil-fatt, il-Ministru Borg tenna kif dan il-proġett ta’ €70 miljun fost affarijiet oħra jinkludi tliet kilometri u nofs ta’ passaġġ għaċ-ċiklisti u passaġġi għall-mixi.
Dan apparti bus shelters u terminals sabiex il-pubbliku jista jagħmel użu mit-trasport pubbliku.
Il-Ministru Borg stqarr: “Aħna nixtiequ li dik id-dipendenza fuq il-karozza titnaqqas u allura għamilna l-bus lanes għal min juża Tal-Linja, għamilna diversi xelters ħalli jkunu jistgħu jistkennu, għamilna l-korsiji fejn wieħed jista’ jimxi jew isuq bir-rota, underpass bridges.”
B’hekk il-Ministru Borg spjega kif dawn flimkien mas-servizz ta’ tal-linja jikkumplimentaw dan il-proġett.
Huwa sostna: “Fil-fatt hawnhekk għandek Tal-Linja li toffri 70 vjaġġ fis-siegħa f’dan il-punt partikolari u għandek 380 parkeġġ. Aħna għamilna l-ftehim mal-Kummissjoni Ewropea li ħa jkollna 200 parkeġġ. Għamilna 380 ħalli jkollna 180 iżjed ħalli jista’ jkun ikollok nies li jipparkjaw biex imorru f’postijiet fejn jaħdmu hawnhekk jew jieħdu xi servizz u allura dejjem inkunu qed inħallu l-200 parkeġġ vojt għal min qed jagħmel użu mit-Trasport Pubbliku.”
Tenna li dan il-park and ride jipprovdi parkeġġ faċli u b’xejn b’aċċess faċli u effiċjenti għas-servizz ta’ tal-linja.
Il-Ministru temm jenfasizza l-importanza ta’ dawn il-faċilitajiet disponibbli għall-pubbliku.
Tenna li l-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu sabiex ikompli jtaffi l-influss tal-karozzi fit-toroq Maltin. Dan permezz ta’ servizz ta’ tal-linja b’xejn għal diversi faxxex tas-soċjetà flimkien ma’ servizz aktar komdu u effiċjenti.