F’dawn il-jiem festivi, il-familji Maltin u Għawdxin għandhom l-opportunità li jgawdu villaġġ tal-Milied fil-Park Nazzjonali tas-Salini.
Dan il-park mill-isbaħ ġie mibdul f’villaġġ festiv bil-għan li jqarreb lin-nies lejn l-ambjent filwaqt li jferraħ lill-viżitaturi f’atmosfera natalizja mill-isbaħ.
Din hija t-tieni edizzjoni ta’ din l-inizjattiva popolari, li tpermezz tagħha żoni ħodor f’pajjiżna jinbidlu f’vilaġġi tal-Milied fejn it-tfal u l-familji jkunu jistgħu jieħdu sehem f’logħob, iduqu ikel tradizzjonali tal-Milied, u jgawdu divertiment ieħor relatat ma’ dawn iż-żminijiet.
Parti mill-park inbidlet f’żona b’diversi effetti tad-dwal, fejn il-viżitaturi jistgħu jimxu u jammiraw karattri u strutturi b’tema ambjentali, b’ħafna lwien mill-isbaħ.
Il-ġenerazzjoni ż-żgħira għandha wkoll iċ-ċans li tiltaqa’ ma’ Santa Klaws fit-tinda speċjali tiegħu.
F’dan il-villaġġ tal-Milied, il-pubbliku jista’ wkoll jikseb iktar tagħrif dwar kif wieħed jista’ jiċċelebra i-Milied b’mod sostenibbli.
Tul dawn l-għaxart ijiem, se jkunu qed jipparteċipaw ukoll artisti lokali u rinomati.
Din l-inizjattiva, qed issir grazzi għall-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, li bidel dan il-park f’ambjent maġiku tal-Milied, f’armonija man-natura.
Waqt il-ftuħ uffiċjali tal-Christmas in the Park, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, qalet li l-park ġie trasformat f’villaġġ tal-Milied anki sabiex in-nies ikunu jafu aktar dwar l-irwol tas-sostenibbiltà biex jitħares l-ambjent.
Hija qalet, “Permezz ta’ din l-attività, indaħħlu kunċetti differenti ta’ sostenibbiltà, anke ambjent li l-familja tagħna jistgħu jaddottaw f’dawn iż-żminijiet ta’ festi. Allura għadna diversi stalls fejn anke qed inwasslu edukazzjoni dwar l-ambjent u anke dwar l-importanza tal-arja miftuħa u l-ambjent ta’ madwarna.”
Fi Christmas in the Park, il-pubbliku jista’ jgawdi l-festi fi spazju aċċessibbli u f’ambjent sigur. Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-villaġġ huma bejn il-5 u l-10 ta’ filgħaxija, kuljum sat-18 ta’ Diċembru.
Is-Sibtijiet, il-Ħdud u fil-festi pubbliċi, id-divertiment fil-Park jibda fl-għaxra ta’ filgħodu u jibqa’ għaddej sal-għaxra ta’ filgħaxija.