Wara bosta snin jokkupa s-siġġu fil-Parlament George Vella ħalla s-siġġu tiegħu wara li ma reġax ikkontesta l-elezzjoni tat-3 ta’Ġunju. Huwa saħaq li ma kinitx deċiżjoni li ħa ħabta u sabta iżda kien ilu għal dawn l-aħħar erba’ snin ċert mid-deċiżjoni li l-elezzjoni tal-2013 kellha tkun l-aħħar waħda li hu kien se jikkontesta. “Illum għalaqt 75 sena jien u allura ma naħsibx li għalkemm saħħti għadha tajba u nħoss li għadni.. li stajt nagħti iktar..tgħid trid tagħmel linja u tieqaf m’hemmx x’tagħmel.” Huwa iżda saħaq li għalkemm il-futur ħadd ma jafu huwa qal li kif diġà saħaq, hu mhux se jitlef il-kuntatt kollu max-xogħlijiet li qiegħed jagħmel, u filwaqt li mhux se jkun preżenti daqs kemm kien qabel huwa xorta se jkun qed jagħti l-kontribut tiegħu. Fil-fatt huwa qal, “Għandi diġà xi biċċtejn .. xogħlijiet illi l-Prim Ministru talabni biex insegwiehom. Huwa vera, li issa għadu kmieni biex wieħed jitkellem fuqhom imma ma nafx x’ser jiġri minn hawn ’il quddiem imbagħad.”
Saqsejtu biex jidentifika xi mumenti sbieħ li kellu fil-Parlament filwaqt li jiftakar ukoll xi oħrajn li kienu pjuttost diffiċli. Għall-bidu sabha bi tqila biex minn dawk is-snin kollha jidentifika ftit mumenti, madankollu, ma tantx dam biex mar lura għal bosta mumenti fl-istorja ta’ pajjiżna u rrakkontahom mil-lenti tiegħu. Beda billi saħaq li d-dell fil-ħajja politika tiegħu kien fis-snin ta’ bejn l-1996 u l-1998 fejn għalkemm l-intenzjonijiet tal-Partit Laburista fil-gvern kienu tajbin, id-deċiżjonijiet li ried jieħu ma ġewx trasmessi sew liċ-ċittadini.
“Kien żmien fejn minkejja li pruvajna ndaħħlu sistemi ta’ korrettezza u anke nneħħu l-qasma bejn in-Nazzjonalisti u l-Laburisti, dħalna f’sitwazzjoni fejn l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż ma kinux feliċi ħafna u l-miżuri li ridna nieħdu m’għoġbux lil ċerti Membri Parlamentari li mbagħad eventwalment wasslu biex waqqgħu l-Gvern. Kien żmien diffiċli u li tħossok iddispjaċut għaliex ovvjament kien hemm intenzjonijiet tajbin ħafna u kien hemm prospetti tajbin.”
Madankollu l-mumenti sbieħ kienu jissuperaw dawk koroh. Huwa stqarr kif ironikament wieħed mill-isbaħ mumenti fil-ħajja politika tiegħu kien iż-żmien tad-dibattiti fuq jekk Malta għandhiex tissieħeb fl-Unjoni Ewropeja jew le. “Tgħidli sabiħ għaliex?… Kien sabiħ għaliex kien eżempju ċar kristall ta’ kif titħaddem id-demokrazija. Għamilna dak iż-żmien niddibattu fil-midja soċjali, fil-gazzetti ta’ barra, fil-Parlament, dibattiti interressanti fuq ir-radju. Jiġifieri konna qed inħadmu d-demokrazija vera kif għandha tkun.
Suġġett eżaminajnieh mill-angoli kollha… iddibattejna kull aspett tiegħu sakemm fl-aħħar il-poplu ġie mitlub biex jagħti opinjoni u bl-iktar sistema demokratika baxxejna rasna għar-rieda tal-poplu.” Madankollu huwa ma setax ma jsemmix ukoll il-memorja tar-rebħa tal-Partit Laburista fl-2013 fejn ra lil Joseph Muscat jilħaq Prim Ministru ta’ pajjiżna. Dan wara li George Vella nnifsu kien persważ mill-kapaċitajiet li Joseph Muscat kellu fit-tmexxija. “Wieħed mill-isbaħ mumenti kien meta rajt lil Prim Ministru tal-lum Joseph Muscat dieħel fil-Parlament bħala l-Mexxej tal-Partit Laburista wara dak ix-xogħol li kont għamilt u kkonvinċejtu u ħajjarnieh biex jieħu over.”
Wara dawn is-snin kollha fil-Parlament ma stajtx ma nsaqsihx għall-parir tiegħu lil dawk il-Membri Parlamentari ġodda jew inkella dawk iż-żgħażagħ li jaspiraw li jkunu attivi politikament. Skont George Vella l-prinċipju fundamentali għal kull min jidħol fil-Parlament huwa d-dixxiplina. Dan minħabba li Membru Parlamentari, “l-ewwel nett qiegħed dejjem f’għajnejn in-nies, qiegħed hemmhekk jirrappreżenta lin-nies, jiġifieri ma jistax dan tikbirlu rasu jew jaħseb li issa għandu ħames snin jittraskura lin-nies. Iktar u iktar wieħed irid jaħseb fuq il-punt fejn wasalt jien illum u jkun irid jitlaq u jħares lura b’sodisfazzjon li tgħid inti għamilt dak li stajt.
Għall-inqas għamilt dak li stajt u kont onest kemm miegħi nnifsi u anke man-nies li jkunu eleġġewni.” Huwa saħaq li huwa fundamentali li Membru Parlamentari ma jidħolx biss għas-salarju ta’ Membru Parlamentari iżda wieħed irid ikun lest għall-isfidi li toffri l-politika Maltija u jieħu dak li jista’ minn dawn l-isfidi. Dan jidher anke fil-fatt li ċerti mumenti sbieħ li semma Vella kienu wkoll sfidi li kellu jaffaċċja u li seta’ jitgħallem minnhom. L-ikbar appell tiegħu iżda kien biex il-livell tad-dibattiti fil-Parlament ikun wieħed għoli u li jixraq għall-aqwa istituzzjoni tal-pajjiż.
“Ma jfissirx li ma jkollokx argumenti u ma tgħaddix rimarki però żgur illi m’għandniex ninżlu fil-livell baxx li kienu waslu dan l-aħħar id-dibattiti fil-Parlament u fil-fatt wieħed mill-aħħar interventi li għamilt kien proprju fejn appellajt biex nirrispettaw lil xulxin għaliex jekk ma nirrispettawx lil xulxin ġewwa l-Parlament, kif irridu li n-nies hemm barra jirrispettaw lilna.
Jekk aħna l-ħin kollu ngħajru lil xulxin bl-aġġettivi kollha li jiġu ġo ħalqna u b’ċertu ħdura u b’ċertu wiċċ t’espressjoni ta’ kattiverija … tgħidli f’Parlamenti oħra ġieli anke ġlied bl-idejn jinqala’, li huwa veru, imma aħna mhux lejn dawk irridu nħarsu. Jien rajt f’das-snin kollha fil-Parlament minn 1978 ’l hawn, imma dal-aħħar konna wasalna f’livell tremend. U għalhekk l-appell tiegħi lill-ġodda kollha huwa li jieħdu vot u jgħidu “jien żgur f’dak il-livell ma ninżilx” għax dan imbagħad jirrifletti fuq l-appoġġ li l-poplu jkollu lejn il-Membri Parlamentari.”