Min-nhar it-Tnejn li ġej, meta l-iskejjel jerġgħu jiftħu wara l-btajjel tal-Għid, mhux se jkun hemm obbligu ta’ ilbies ta’ maskri.
F’linji gwida maħruġa mis-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika, immexxija mill-Professur Charmaine Gauci ntqal li l-istudenti u l-edukaturi fil-klassijiet jistgħu jagħżlu huma hekk iridux jilbsu maskra l-iskola.
Dawn il-linji gwida jisħqu li d-deċiżjoni aħħarija dwar jekk student għandux jilbes il-maskra hija f’idejn il-ġenituri u l-istudenti. Dan hekk kif l-evidenza s’issa għadha turi li l-ilbies tal-maskra għadu effettiv sabiex tippreveni l-imxija.
Dawn il-linji gwida mill-Awtoritajiet tas-Saħħa jgħidu wkoll li min-nhar it-Tnejn li ġej, l-attivitajiet kollha fl-iskejjel jistgħu jsiru bħal ma kienu jsiru qabel il-pandemija.
Intqal li dawn jistgħu jsiru bid-distanza soċjali.
Permezz t’hekk il-ġenituri, anki dawk li mhumiex imlaqqma, jistgħu jattendu għall-attivitajiet organizzati mill-iskejjel.
L-Awtorijiet tas-Saħħa komplew iħeġġu l-istudenti sabiex jieħdu prekawzjonijiet oħra, fosthom il-ħasil tal-idejn u ventilazzjoni
Dan in-nuqqas ta’ miżuri mill-iskejjel ikompli jingħaqad mar-rilaxx tal-miżuri madwar il-pajjiż, li tressaq ħajjitna lejn in-normalità.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qagħad fuq il-parir tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Intant fi stqarrija, il-Kurja qalet li fl-iskejjel tal-Knisja, kemm l-istudenti u anki l-edukaturi huma mħeġġa li jilbsu l-maskra.
Ġie mfakkar li l-ilbies tal-maskri għadu obbligatorju fuq it-trasport tal-iskola.