L-Għaqda Ġurnalisti Sport (GħĠS) bi pjaċir tħabbar li l-atleta paralimpiku l-Franċiż Esteban Herrault se jkun il-mistieden internazzjonali għall-65 edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali li se jsiru għada.
Esteban Herrault, imwieled fit-18 ta’ Settembru tal-1993, f’Le Mans, fi Franza, flimkien ma’ Clément Berthier, kiseb midalja tal-bronż fl-avveniment tad-doubles tal-irġiel MD14 tat-table tennis fil-Logħob Paralimpiku tas-Sajf tal-2024 f’Pariġi. Id-duo rebaħ ukoll it-titlu tal-Kampjonat Ewropew fl-istess kategorija fl-2023.
Matul iż-żjara tiegħu, li saret possibbli grazzi għar-relazzjoni tajba li l-GħĠS għandha mal-Ambaxxata Franċiża f’Malta, Herrault se jiltaqa’ wkoll mal-Professur Joseph Grima, President tal-Kumitat Paralimpiku Malti. Biż-żjara ta’ Esteban Herrault f’Malta, l-GħĠS tkompli timpenja ruħha sabiex tippromwovi l-inklużjoni fl-isport.
Il-65 edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali se tiċċelebra l-aqwa talent sportiv f’ Malta u bil-preżenza ta’ Esteban Herrault se tingħata dimensjoni internazzjonali lil dan l-avveniment prestiġjuż. Żgur li l-kisbiet, id-dedikazzjoni u r-reżiljenza ta’ Herrault iservu ta’ ispirazzjoni għall-isportivi kollha.
