Il-Ħadd, il-Papa Franġisku faħħar lil Papa Ċelestinu V, li kien wieħed mill-ftit Papiet, li rriżenja fis-sena 1294 u sejjaħ din id-deċiżjoni bħala umli.
Dan waqt żjara li qed jagħmel fil-belt ta’ L’Aquila, fiċ-ċentru tal-Italja, li hija assoċjata ma’ dan il-Papa.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal dan hekk kif is-suċċessur ta’ Pietru qal kemm ‘il darba li jekk saħħtu tmur lura huwa jirreżenja minn Kap tal-Knisja Kattolika.
Din iż-żjara, flimkien ma’ affarijiet oħra li ġraw u qed jiġru fis-Santa Sede, qed iżidu l-ispekulazzjoni li l-Papa Franġisku dalwaqt iħabbar ir-riżenja tiegħu minn Kap tal-Knisja Kattolika.
Dan hekk kif is-Sibt għamel Konċistorju, li fiha kkrea għoxrin Kardinal ġdid u mit-Tnejn se jibdew diskussjonijiet dwar Kostituzzjoni ġdida għal Vatikan.
Għal dawn l-aħħar xhur, minn wara l-vjaġġ Appostoliku f’Malta, il-Papa Franġisku, li għandu 85 sena beda juża’ siġġu tar-roti u bastun sabiex imur minn post għal ieħor, minħabba ugigħ f’irkoptu.
Il-predeċessur tiegħu, Papa Benedittu XVI kien żar din l-istess belt fiċ-ċentru tal-Italja, erba’ snin qabel irriżenja fl-2013.