Fl-ewwel diskors tiegħu, il-Papa l-ġdid, ħareġ fil-gallarija ta’ Pjazza San Pietru biex jindirizza l-folla bl-ewwel diskors tiegħu bħala r-Ragħaj il-Ġdid tal-Knisja Kattolika.
F’diskors bil-lingwa Taljan, huwa beda b’messaġġ ċar u qawwi – “Il-paċi magħkom ilkoll”. Il-Papa spejga li din hija l-ewwel tislima ta’ Kristu rxoxt, tislima li fi kliemu trid tasal għand kulħadd.
Huwa wera umiltà u gratitudni filwaqt li tenna impenn biex inkomplu l-missjoni tal-Knisja b’fiduċja fil-Vangelu u fl-imħabba t’Alla.
Filwaqt li rringrazzja lill-kardinali li eleġġuh bħala s-suċċessur ta’ San Pietru, qal li beħsiebu jimxi ma kulħadd u mal-poplu kollu ta’ Alla bħala Knisja waħda, magħqdua, li tfittex il-paċi, il-ġustizzja u l-fedeltà lejn Ġesu Kristu.
Fil-messaġġ tiegħu, fakkar fil-kuraġġ ta’ Papa Franġisku u qal li kien Papa li birek lil Ruma, u lil kulħadd dakinhar ta’ Ħadd il-Għid.