Il-Papa Franġisku baqa’ impressjonat bil-merħba sabiħa li tawh il-Maltin fit-toroq. Sostna dan l-Ambaxxatur Malti fil-Vatikan Frank Zammit li akkumpanja lill-Papa lura fuq l-ajruplan tal-Air Malta lejn Ruma.
Zammit saħaq kif f’ħin minnhom il-Papa sejjaħlu sabiex ikellmu waqt it-titjira. Ma’ Zammit il-Papa Franġisku tkellem dwar l-isbaħ esperjenzi fil-jumejn li għamel f’pajjiżna.
Dwar dan ukoll ftit tal-ħin wara li wasal f’Ruma, il-Papa kiteb fuq twitter fejn irringrazzja lill-Maltin kollha tal-merħba li tawh.
Qal kif ser jibqa’ jiftakar lill-pajjiżna u saħaq li Malta hija teżor għall-Knisja Kattolika.
“Skopra realtà u skopra pajjiż li ħareġ jilqgħu fit-toroq. Kien impressjonat bl-ammont ta’ nies. Issa jekk tgħidli jien Ġwanni Pawlu t-tieni fid-disgħin, naħseb dakinhar ikonkorew ħafna iżjed in-nies. Imma dakinhar jista’ jkun lin-nies kienu qed jaraw għall-ewwel darba Vigarju ta’ Kristu f’arthom u mhux f’Ruma. Però l-Papa ħareġ sodisfatt, pero mhux il-Papa biss imma anke n-nies tiegħu u l-ġurnalisti. Dalgħodu ċempluli ġurnalisti.”
Zammit qal kif il-Papa wkoll xtaq jirringrazzja lil kull minn kien involut fl-organizazzjoni taż-żjara tiegħu f’pajjiżna. B’mod partikolari lill-Kumitat Organizattiv li ħa ħsieb iż-żjara Papali.
“F’ħin minnhom il-Papa bagħat għalija u rringrazzjani, qalli li ħa pjaċir ħafna u biex nirringrazzja l-Awtoritajiet kollha kemm governattivi u anke ekkleżjastiċi. Ftakar ukoll fil-Kumitat Organizattiv. Jiġifieri l-Papa xi ħaġa tajba japprezzaha ħafna.”
L-Eċċellenza Tiegħu Frank Zammit tkellem ukoll dwar it-titjira bejn Malta u Ruma.
“Il-Papa kien seren ħafna, qabel kollox l-ewwel ħin ideddikah għal qari tal-Brevjar. Quddiem il-Papa qaluli li din hi prassi iwaħħlulu fil-Club Class ikona ta’ Madonna ivenerata f’Buenos Aires.”
Frank Zammit spjega ma’ ONE News kif l-ajruplan kien maqsum fi tliet partijiet.
L-ewwel parti fejn poġġa l-Papa flimkien mal-ogħla awtoritajiet tal-Vatikan.
Fit-tieni parti qagħdu l-membri tad-dekasteru tal-komunikazzjoni tal-Vatikan, flimkien mal-gwardji Svizzeri kif ukoll is-Sur Zammit innifsu.
Fit-tielet u l-aħħar parti qagħdu l-ġurnalisti.
Zammit innota wkoll il-karattru uman u simpatiku tal-Papa Franġisku.
Dan hekk kif waqt iż-żjara f’pajjiżna hu kellu udjenza privata miegħu.
“It-tfal tiegħi tkellmu mal-Papa Franġisku, sa ppermettilhom jieħdu selfies miegħu minkejja li kien hemm il-fotografi tal-Vatikan. Staqsewh u qalhom mela u beda jirrakkonta lill-Arċisqof, qalhom iż-żgħażagħ tal-lum mhux ritratti tradizzjonali jħobbu jieħdu imma selfies.”