Fi stqarrija, il-Gvern ta’ Malta sellem il-memorja ta’ Papa Franġisku u ta l-kondoljanzi lill-Istat tal-Vatikan.
Intqal il-Papa Franġisku kellu rabta speċjali ma’ pajjiżna wara li għamel żjara appostolika f’pajjiżna fl-2022.
“Kienet okkażjoni sabiħa li fiha Papa Franġisku żar il-gżejjer Maltin u ltaqa’ mal-poplu Malti u Għawdxi f’laqgħat li jibqgħu mfakkra fl-istorja ta’ dan il-pajjiż”, qal il-Gvern Malti.
Filwaqt li nnota l-laqgħat li kellu fuq livell personali ma’ Papa Franġisku, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-ħidma importanti li wettaq Papa Franġisku tul il-pontifikat tiegħu fosthom li wassal vuċi importanti favur dawk l-aktar vulnerabbli u tella’ fuq l-aġenda internazzjonali numru ta’ temi soċjali.
“Papa Franġisku ħadem bi sħiħ favur il-paċi fi żmien ta’ sfidi ġeo-politiċi u mbotta riformi notevoli fil-Knisja Kattolika”, temmet tgħid l-istqarrija mill-Gvern.