Il-Papa Franġisku żvela li, ftit biss wara li ġie elett bħala l-kap tal-Knisja Kattolika fl-2013, kiteb u ffirma bil-lest ittra tar-riżenja biex tintuża f’każ li jinqalgħulu problemi mediċi li ma jħalluhx ikompli jaqdi d-doveri tiegħu.
F’intervista mal-gazzetta Spanjola ABC, huwa qal li għadda din l-ittra lill-Kardinal Tarcisio Bertone, li dak iż-żmien kien is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan.
It-tħassib dwar saħħet il-Papa, li s-Sibt li għadda għalaq 86 sena, kiber fl-aħħar xhur. Wara li għamel operazzjoni fi msarnu fl-2021, issa ilu minn mindu żar Malta f’April li għadda jbati minn uġigħ qawwi fi rkopptu li ġiegħlu jibda juża siġġu tar-roti. Dan l-aħħar,iżda, qed jużah inqas u qed jidher aktar miexi bil-bastun.
Fl-intervista, il-Papa ċċajta li, issa li kixef li hemm din l-ittra, xi ħadd se jmur jiġri għand il-Kardinal Bertone u jitlobhielu. Huwa qal li l-Kardinal Bertone jemmen li dan probabbilment għaddieha lis-Segretarju tal-Istat li hemm bħalissa, il-Kardinal Pietro Parolin.
Fis-snin li għaddew il-Papa Fraġisku faħħar id-deċiżjoni tal-predeċessur tiegħu, il-Papa Benedittu XVI, li rriżenja għax ħass li x-xjuħija ma baqgħetx tippermettilu li jmexxi l-Knisja kif kien meħtieġ. Il-Papa Benedittu XVI kien l-ewwel Papa li rriżenja f’600 sena.