Il-Papa jista’ jkun se jżur Malta f’Diċembru li ġej.
Hekk irrapporta l-istazzjon RAI fl-aħbarijiet tat-tmienja ta’ dalgħodu.
F’servizz imxandar fuq RAI UNO, it-TG1 xandar servizz fuq Papa Franġisku u fuq ħsibijietu dwar l-Afganistan.
Imbagħad issemma kif il-Papa mistenni jagħmel vjaġġ Appostoliku lejn Ċipru, il-Greċja u anki Malta.
Il-Papa kellu jiġi f’pajjiżna lejn l-aħħar ta’ Mejju tas-sena l-oħra iżda imbagħad iż-żjara ġiet posposta minħabba l-imxija.
L-istennija għaż-żjara tal-Isqof ta’ Ruma baqgħet hemm, bil-Kap tal-Knisja Kattolika issa jidher li se jasal fostna dalwaqt.
Papa Franġisku jista’ jagħmel ir-raba’ żjara uffiċjali ta’ Papa f’Malta wara ż-żewġ żjarat tal-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Papa Benedittu XVI.