Il-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku jista’ jżur lil Malta wara l-Għid il-Kbir, li din is-sena se jaħbat fis-sbatax ta’ April.
Dan qalu l-ġurnalist u Vatikanista Andrea Gagliarducci fuq is-sit Taljan Acistampa.
F’artiklu li ta ħarsa lejn il-vjaġġi Appostoliċi li mistenni jagħmel il-Kap tal-Knisja Kattolika matul din is-sena, intqal kif Papa Franġisku kellu jżur lil pajjiżna fil-festa tal-Pentecoste fl-elfejn u għoxrin, iżda minħabba l-pandemija din iż-żjara kellha tiġi posposta.
Dan il-vjaġġ lejn pajjiżna żgur li qiegħed fuq l-aġenda tal-Papa Franġisku, hekk kif f’okkażjonijiet differenti dejjem għamel referenza għal din iż-żjara.
Bl-aħħar waħda tkun fil-laqgħa li kellu mal-Prim Ministru Malti Robert Abela fil-Vatikan, fejn b’mod uffiċjali kien intqal li din iż-żjara, tant mistennija mill-Maltin u l-Għawdxin, se ssir din is-sena.
F’Settembru li għadda imbagħad il-Papa stess kien ikkonferma l-interess tiegħu li jżur Malta, fejn fuq radju Spanjol saħaq li l-għażla tiegħu biex jagħmel il-vjaġġi Appostoliċi huma pajjiżi żgħar.
Is-suċċessur ta’ Pietru fix-xhur li għaddew żar lil Ċipru, l-Ungerija, l-Islovakkja u l-Greċja iżda żjara Appostolika li żgur se tibqa’ mmarkata fl-istorja tad-dinja hija dik li l-Papa għamel fl-Iraq f’Marzu li għadda.
Minkejja li sal-ġurnata tal-lum ma hemmx dati uffiċjali, il-kuntatti bejn l-Awtoritajiet Maltin, dawk Ekkleżjastiċi u s-Santa Sede dwar din iż-żjara lanqas waqfu, bil-President ta’ Malta George Vella jgħid l-interess tal-Vatikan dwar dan baqa’ hemm.
Papa Franġisku se jkun t-tielet Papa li se jżur pajjiżna wara darbtejn b’mod uffiċjali mill-Papa Ġwanni Pawlu II u darba mill-Papa Benedittu Sittax.
Intant, is-sit Acistampa żied isemmi aktar żjarat li l-Papa Franġisku wera interess li jagħmel matul din is-sena, fosthom fl-Ukrajna, is-Sudan u r-Russja fost oħrajn.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika jixtieq jattendi wkoll għal-laqgħa storika bejn il-mexxejja tar-reliġjonijiet tradizzjonali f’Settembru li ġej, fejn għaliha mistenni jkun hemm il-Patrijarka ta’ Moska.