Ilbieraħ, dawk kollha miġbura fi Pjazza San Pietru quddiem il-Vatikan f’Ruma kellhom sorpriża hekk kif fid-9:00 ta’ filgħaxija, eżatt qabel bdiet ir-reċita tar-Rużarju mmexxi mill-Kardinal Angel Fernandez Artime, instema’ messaġġ mill-Papa Franġisku.
Bil-lingwa nattiva tiegħu, l-Ispanjol, il-Papa rringrazzja lil kulħadd mill-qalb għat-talb li kien qed jiġi offrut għall-fejqan tiegħu. Huwa qal li kien se jakkumpanjahom fit-talb. Spiċċa l-messaġġ qasir ta’ 27 sekonda billi qal “Alla jberikkom u l-Verġini tipproteġikom. Grazzi.”
Mit-Tnejn 24 ta’ Frar, eluf ta’ fidili bdew jingħaqdu mal-Kardinali ta’ Ruma, flimkien ma’ kollaboraturi tal-Kurja Rumana u d-Djoċesi ta’ Ruma, fi Pjazza San Pietru sabiex jgħidu r-Rużarju flimkien u joffruh għall-fejqan ta’ Papa Franġisku li bħalissa jinsab fl-Isptar Gemelli għat-trattament wara li ddaħħal hemm fl-14 ta’ Frar.
Ilbieraħ l-uffiċċju stampa tas-Santa Sede ħabbar li l-Papa Franġisku kien għamel donazzjoni ta’ miljun ewro sabiex tkun rinovata dar tal-kleru f’Ruma li qed tkun ikkonvertita f’20 appartament għal dawk fil-bżonn.
Din l-aħbar kienet ħarġet nhar it-30 ta’ Jannar iżda ma kinitx issemmiet il-figura fi flus u dan sar magħruf f’dawn l-aħħar jiem f’ittra li intbgħatet mill-Kardinal Baldassare Reina, il-Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi ta’ Ruma lill-qassisin tad-Djoċesi.