Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku nnomina lis-saċerdot Malti Sandro Overend Rigillo bħala l-Vigarju Appostoliku ta’ Benghazi u Cyrenaica fil-Libja, u b’hekk se jkun ikkonsagrat Isqof.
Patri Sandro kien diġà jservi fil-pajjiż ġar ta’ Malta, hekk kif f’digriet li ħareġ f’Diċembru tal-2019, il-Papa kien innomina lis-saċerdot Malti bħala Amministratur Appostoliku tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Benghazi l-Libja.
Issa, wara t-tħabbira mis-Santa Sede, Patri Sandro se jkun qed jassumi l-irwol ta’ Isqof.
Dan mhux l-ewwel Isqof Malti li assuma din il-kariga, hekk kif mill-1997 sal-2016 l-istess Vigarjat Appostoliku tmexxa mill-Isqof Sylvester Magro, li miet f’Jannar tal-2018.
Bħalissa wkoll, L-Isqof Għawdxi George Bugeja huwa l-Vigarju Appostoliku tal-Kapitali Libjana, Tripli.
L-Ordinazzjoni Episkopali se ssir nhar it-Tlieta 22 ta’ Awwissu 2023 fil-Parroċċa Franġiskana Santwarju Marjan tal-Madonna tas-Sacro Cuor, Tas-Sliema.
Mons. Sandro twieled Tas-Sliema nhar il-31 ta’ Jannar 1959. Fis-26 ta’ Settembru 1976 ta bidu għan-Novizzat u għamel l-Professjoni Temporanja fit-2 ta’ Ottubru 1977. Għamel il-Professjoni Solenni fit-12 ta’ Settembru 1982 u ġie ordnat saċerdot nhar id-29 ta’ Ġunju 1984.
Mons. Sandro kellu diversi ħidmiet fi ħdan l-Ordni u l-Provinċja. Huwa serva bħala Ministru Provinċjal, Segretarju Ġenerali tal-Ordni u Rettur tal-Università Antonianum ta’ Ruma. Għal dawn l-aħħar snin, Mons. Sandro kien qed iservi fil-missjoni tal-Ordni ġewwa Benghazi, il-Libja.
Intant, l‑Arċisqof Charles Scicluna, l‑Isqof Anton Teuma u l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi ferħu lil Patri Sandro Overend Rigillo għall‑ħatra mill‑Papa Franġisku bħala Vigarju Appostoliku ta’ Bengażi fil-Libja.
Fi stqarrija saħqu kif l‑Arċidjoċesi ta’ Malta u d‑Djoċesi ta’ Għawdex jingħaqdu fit‑talb għall‑Isqof‑elett biex il‑Mulej jagħtih l‑għajnuna f’din il‑missjoni afdata lilu.