F’Quddiesa l-Ħadd filgħodu, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ikkanonizza għaxar qaddisin ġodda fil-Knisja Kattolika.
Il-beati li ġew kanonizzati fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan huma Carolina Santocanale, Marie Rivier, Titus Brandsma, Maria Domenica Mantovani, Anna Maria Rubatto, Charles de Foucauld, Giustino Maria Russolillo, Luigi Maria Palazzolo, César de Bus, Devasahayam Pillai.
Ħamsa minnhom huma mill-Italja, tlieta minn Franza, persuna mill-Indja u oħra mill-Olanda.
Bħal ma jseħħ dejjem, mal-Bażilika ta’ San Pietru twaħħal drapp b’wiċċ il-qaddisin ġodda.
L-aħħar kanonizzazzjoni mill-Papa Franġisku kienet saret qabel il-pandemija fl-2019.
Fl-Omelija tiegħu, is-Suċċessur ta’ Pietru qal kif Alla jħobb lill-poplu tiegħu mingħajr kundizzjonijiet u spjega kif it-triq sabiex insiru qaddisa hija sempliċi, dik li naraw ’l Alla f’ħaddieħor.
Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Ħadd, li għaliha attendew eluf ta’ nies, intemmet bit-talba marjana tar-Regina Coeli.
Fil-bidu tal-quddiesa il-Kardinal Prefett ħabbar l-ismijiet tal-qaddisin ġodda u l-bijografija tagħhom. F’dan il-mument instema’ ċapċip kbir minn dawk preżenti.
Fiċ-ċelebrazzjoni tkantat il-litanija tal-qaddisin bil-latin, fejn issemmew ukoll l-għaxar qaddisin ġodda.
Preżenti għall-kanonizazzjoni kien hemm il-President Taljan Sergio Mattarella.