Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-kappillani biex jilqgħu, jisimgħu u jifhmu liż-żgħażagħ li jagħżlu l-koabitazzjoni minflok żwieġ.
Meta ltaqa’ ma’ kappillani fi tmiem kors dwar il-proċess matrimonjali organizzat mis-Sacra Rota Romana, il-Papa qalilhom li għandhom ikunu qrib dawn iż-żgħażagħ fl-ispirtu tal-Vanġelu. “Fil-livell spiritwali u morali, dawn huma fost il-fqar li għalihom il-Knisja trid tkun omm li ma tabbandunahomx iżda li tersaq lejhom u tikkurahom. Dawn ukoll għandom l-imħabba ta’ qalb Kristu. Ħarsu lejhom intom ukoll b’ħarsa ta’ tenerezza u l-kompassjoni.”
Il-Papa talabhom biex lil koppji bħal dawn jagħtuhom appoġġ ħalli jifhmu li l-għaqda tagħhom mhix żwieġ sagramentali vera u jaħsbu biex joħorġu minnha. “F’din il-ħidma delikata, hu meħtieġ li l-fidili jagħrfukom mhux biss bħala esperti burokratiċi jew ġuridiċi, iżda bħal aħwa li lesti jisimgħuhom u jifhmuhom.”
Il-Papa fakkarhom li f’dak li ġie diskuss u propost fil-Sinodu tal-Isqfijiet dwar it-tema taż-Żwieġ u l-Familja u li ġie integrat fl-eżortazzjoni appostolika Amoris Laetitia.
“Intom f’qagħda tajba li tistgħu tinvestigaw x’wassalhom biex jikkoabitaw flok jiżżewġu għax intom qegħdin f’kuntatt dirett mal-familji. F’ħafna każi, intom l-ewwel interlokuturi taż-żgħażagħ li jixtiequ jiffurmaw familja ġdida u jiżżewġu bil-sagrament taż-żwieġ. U lejkom ukoll jirrikorru dawk il-koppji li jinsabu fi kriżi u li qed jaħsbu li jisseparaw. U lil dawn jeħtieġ tħeġġuhom jiskopru mill-ġdid l-grazzja tas-sagrament. Ħadd aħjar minnkom mhu daqstant qrib ir-realtà u n-nisġa soċjali tat-territorju tagħkom bil-kumplessità varja ta’ żwiġijiet ċelebrati fi Kristu, unjonijiet de facto, unjonijiet ċivili, żwiġijiet falluti, u familji u ż-żgħażagħ kuntenti jew infeliċi.”