Il-Papa Franġisku ħabbar ir-raba’ konċistorju tiegħu sabiex issa ser ikun ikkreja 59 kardinal fil-kulleġġ tal-eletturi f’konklavi futuri. Il-bqija tal-kardinali kienu maħtura minn Benedittu XVI li ħatar 46 kardinal u 21 oħra minn San Ġwanni Pawlu “Il-Kbir”. B’hekk f’eventwalità ta’ konklavi bħalissa l-Knisja għandha sitt kardinali aktar min-norma ta’ 120 il-kardinali eletturi mposti mill-Kostituzzjoni Appostolika Pastor Bonus ta’ Ġwanni Pawlu II.
Il-Konċistorju Straordinarju li fih il-Papa ser jikkreja dawn l-erbatax il-kardinali ġodda ser iseħħ nhar id-29 ta’ Ġunju, nhar is-solennità ta’ San Pietru u San Pawl magħrufa aħjar fostna bħala l-Imnarja.
Fost dawk li ser jirċievu l-porpra wieħed isib lil Louis Raphael I Sako l-Patrijarka tal-Babilonja tal-Kaldej, lil Ġiżwita Luis Ladaria Ferrer li hu l-prefett il-ġdid tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, Monsinjur Angelo deDonatis li hu l-Vigarju tal-Papa għad-Djoċesi ta’ Ruma kif ukoll lil Mons. Giovanni Angelo Becciu li hu s-Sostituto fis-Segretarjat tal-Istat kif ukoll ir-Rappreżentant tal-Papa fl-Ordni ta’ Malta.
L-aktar prelat qrib il-Papa f’dan il-konċistorju huwa bla dubju Mons Konrad Krajewski, Pollakk ta’ 54 sena li hu l-“Elemosiniere Appostoliku” u li jagħmel ħafna karitajiet f’isem il-Papa fil-Belt ta’ Ruma u anke fil-kumplament tad-Dinja.
Il-Patrijarkat ta’ Venezja baqa’ ma ngħatax it-titlu kardinalizju li tradizzjonalment żamm għal mijiet ta’ snin. Franġisku kellu pjanijiet differenti u mill-Italja għażel lil-Arċisqof tal-Aquila Monsinjur Giuseppe Petrocchi.
Fost l-Arċisfqijiet Djoċesani li ngħataw it-titlu kardinalizju nsibu lil-Arċisqof ta’ Karachi fil-Pakistan Monsinjur Joseph Coutts, lill-Isqof ta’ Leira-Fatima fil-Portugal Antonio Dos Santos Marto, l-Arċisqof ta’ Huancayo fil-Peru Pietro Baneto, l-Arċisqof ta’ Taomasina fil-Madagascar Monsinjur Desire Tsarahazana u l-Arċisqof tad-Djoċesi ta’ Osaka fil-aĠppun Monsinjur Thomas Aquino Manya Maeda.