Il-Papa kellu messaġġ favur l-għaqda u l-paċi fl-ewwel diskors tiegħu f’pajjiżna fis-Sala tat-Tron fil-Palazz tal-President il-Belt.
Huwa stqarr kif il-Maltin jitolbu għall-għaqda kull darba li jlissnu l-innu Malti.
Fil-fatt huwa lissen versi mill-innu Malti biex jingħaqad f’din it-talba.
Qal, “L-għaqda u l-paċi huma rigali li l-poplu Malti jitlob lil Alla kull darba li jkanta l-Innu Nazzjonali. Fil-fatt, it-talba miktuba minn Dun Karm Psaila tgħid: “Agħti, kbir Alla, id- dehen u l-ħniena lil min jaħkimha, saħħa lill-ħaddiem, u seddaq fil-Maltin l-għaqda u s-sliem”. Il-paċi tiġi wara l-għaqda u tfawwar minnha. Dan ifakkarna kemm hi importanti l-ħidma flimkien, li l-għaqda tiġi qabel kull firda, fit-tisħiħ tal-għeruq u tal-valuri maqbula li fasslu l-uniċità tas-soċjetà Maltija.”
Huwa wera l-gratitudni tiegħu għall-merħba sabiħa li ngħata mill-Maltin u stqarr kif din kienet waħda identika għal merħba li kien ingħata l-Appostlu San Pawl.
Huwa stqarr kif din il-merħba u l-qalb kbira tal-Maltin baqgħet teżor ta’ pajjiżna li tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Filwaqt li appella sabiex pajjiżna jkompli jsalva l-ħajjiet hekk kif kien fl-Atti ta’ San Pawl protagonist biex isalva tant nies, dwar l-immigrazzjoni huwa stqarr li pajjiżna ma jistax ibati quddiem l-indifferenza ta’ pajjiżi oħra u għaldaqstant għandu jkun hemm solidarjetà sħiħa bejn il-pajjiżi Ewropej quddiem din l-isfida.
Huwa qabbel lill-pajjiżna ma’ omm f’nofs il-Mediterran li quddiem il-gwerra tista’ tispira lid-dinja ġġib is-sbuħija lura lil wiċċ il-bniedem imġarraf mill-gwerra.
Qal, “Malta, li tilma bid-dawl fil-qalba tal-Mediterran, tista’ tnebbaħna, għax hemm urġenza li rroddu lura s-sbuħija lill-wiċċ tal-bniedem, sfigurat bil-gwerra. Statwa Mediterranja sabiħa ġejja minn sekli qabel Kristu tirrafigura l-paċi, Irene, qisha mara li qed iġġorr f’dirgħajha ’l Plotun, l-għana. Tfakkar li l-paċi tiġġenera l-ħajja tajba u l-gwerra l-faqar biss.”
Il-Papa temm id-diskors tiegħu billi bierek lill-gżejjer Maltin u Għawdxin filwaqt li talab biex Malta bħala l-qalb tal-Mediterran issaħħaħ it-taħbit tal-qalb tat-tama, il-kura għall-ħajja, l-akkoljenza ta’ ħaddieħor u il-ħerqa għall-paċi.
Qal, “J’Alla Malta, il-qalb tal-Mediterran, tkompli ssaħħaħ it-taħbit tal-qalb tat-tama, il-kura għall-ħajja, l- akkoljenza tal-ieħor, il-ħerqa għall-paċi bl-għajnuna ta’ Alla, li ismu huwa paċi. Ħa jbierek Alla lil Malta u lil Għawdex!”