Fl-udjenza ġenerali tal-Erbgħa fil-Vatikan, il-Papa semma ż-żjara tiegħu f’Malta u l-laqgħa sabiħa li tawh il-Maltin u l-Għawdxin.
Papa Franġisku qal li Malta tirrappreżenta l-qawwa taż-żgħar bi storja sinjura ħafna.
Il-Papa semma l-immigrazzjoni u l-isfidi affaċċjati minn pajjiżi bħal Malta fiċ-ċentru tal-Mediterran.
Hawn semma l-Laboratorju tal-Paċi mmexxi f’Ħal Far minn Patri Dijonisju Mintoff u spjega li l-pajjiż kollu huwa laboratorju ta’ paċi b’valuri ta’ solidarjetà li huma b’saħħithom.
Il-Papa semma wkoll iż-żjara tiegħu fis-Santwarju Ta’ Pinu u kif il-Maltin għandhom fidi qawwija fil-Madonna.
Il-Papa spjega kif kien ilu biex iżur Malta għal sentejn sħaħ minħabba l-pandemija.
Lin-nies preżenti għall-udjenza ġenerali, il-Papa qalilhom li Malta ilha li waslilha l-vanġelu permezz tal-Appostlu San Pawl.
Il-Papa temm jirringrazzja lill-President ta’ Malta Dr George Vella, lill-Prim Ministru Robert Abela taż-żjara u semma wkoll l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi.
Fl-aħħar irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tal-akkoljenza li wera matul iż-żjara tiegħu.