Il-Papa Franġisku għażel lill-Arċisqof Giovanni Becciu bħala d-delegat personali tiegħu biex jissorvelja r-riforma spiritwali u morali tal-Ordni sovrana tal-Kavallieri ta’ Malta, fejn se jkun qed jieħu post il-Kardinal Amerikan Raymond Burke.
Dan ġie mħabbar ilbieraħ fil-Vatikan permezz ta’ ittra mingħand il-Papa indirizzata lill Becciu.
Xogħol Becciu se jkun ta’ delegate papali, dan sakemm jiġi appuntat Gran Mastru ġdid għall-Ordni. Avveniment li jaf isir f’April illi ġej wara li l-Kunsill tas-Sovrenità jiġi nnotifikat, dan skond l-informazzjoni li ġiet imħabbra f’konferenza riċenti mtella’ mill-Kavallieri ta’ Malta.
Il-każ idur madwar il-kanċillier tal-ordni, Albrecht Von Boeselager, li jinsab akkużat li qassam ħafna condoms f’Myanmar, permezz ta’ organizazzjoni li tagħmel il-karità u li hija taħt l-Ordni ta’ Malta. Dan meta l-Knisja Kattolika tipprojbixxi l-użu ta’ kontraċettivi.