Fl-Urbi et Orbi tal-Għid il-Kbir mill-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, il-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku wassal messaġġ ta’ tama u kuraġġ lil dawk kollha li qed ibatu minħabba l-effetti tal-pandemija Covid-19 madwar id-dinja kollha.
B’messaġġ bil-lingwa Taljana u fi sfond ta’ restrizzjonijiet, il-Papa Franġisku qal kif Kristu Rxoxt din is-sena qed jagħti kenn spiritwali lil dawk morda u lil dawk li tilfu lil xi ħadd qarib tagħhom.
F’messaġġ ċar u profond is-suċċessur ta’ Pietru qal kif kulħadd, partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli, għandhom jingħataw l-għajnuna, kura meħtieġa u anke sabiex jitlaqqmu kontra l-Covid-19.
Hawnhekk huwa appella lill-awtoritajiet internazzjonali sabiex jaraw u jiżguraw li jkun hemm distribuzzjoni ġusta tal-vaċċin madwar id-dinja, speċjalment fil-pajjiżi l-aktar fqar.
Intant, fil-messaġġ tiegħu l-Papa talab ukoll għal dawk kollha li qed jipprotestaw fil-Myanmar, għan-nies fil-Libanu u dawk fil-qilla tal-gwerra u nkwiet fis-Sirja.
Filwaqt li awgura l-Għid it-Tajjeb lil kuħadd, l-Isqof ta’ Ruma talab ukoll sabiex issa nibdew naraw il-benefiċċju tal-fejqan fix-xhur li ġejjin madwar id-dinja kollha.