F’diskors partiġġjan u diviżiv ieħor, f’Birkirkara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Papa iktar għandu bżonn jiġi Malta jekk jirbaħ l-elezzjoni l-Partit Laburista għaliex skontu t-tabib irid imur fejn hemm bżonn fejqan.
Fl-istess diskors li fih kompla jisħaq li Malta hi marida, huwa spiċċa jattakka lill-Kummissarju tal-Pulizija u beda jagħti x’jifhem li jekk jkun Prim Ministru hu jibdlu.
Dan għalkemm il-Kummissarju inħatar permezz ta’ proċess ġdid ta’ skrutinju Parlamentari li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista lanqas indenjat tipparteċipa fih.
Qal, “Nassigurak li jekk inkun Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż jien nara lill-Kummissarju tal-Pulizija, ikun min ikun, ikun kummissarju tal-affari tiegħu.”
Għal darba oħra huwa nfexx jtenni diskors diviżiv għall-aħħar b’attakk wara l-ieħor kontra l-Partit Laburista u lil niesu.
Qal, “Dawn ma jinbidlu qatt!!”
Bernard Grech temm id-diskors tiegħu jappella lin-nies biex tagħmel lilu Prim Ministru u b’hekk skontu, Malta tfiq.
Qal, “Għandek għażla.. Partit Nazzjonalista! Għandek għażla lili!”