Aġġornament minn Kelliem għall-Vatikan it-Tlieta filgħaxija ntqal kif Papa Franġisku qed ibati minn dik li tissejjaħ pnewmonja doppja, jiġifieri l-infezzjoni ħakmitu fiż-żewġ pulmuni. Għalhekk huwa se jibqa’ jkun rikoverat fl-isptar Gemelli f’Ruma, filwaqt li l-attivitajiet li kellu ġew imħassra kollha.
L-istqarrija mill-Vatikan tgħid ukoll li Papa Franġisku rċieva l-Ewkaristija u matul il-jum, straħ, talab u anke qara. Huwa esprima l-gratitudni tiegħu għall-appoġġ li qed jingħata f’dan il-mument.
Fl-aħħar jiem Papa Franġisku deher anke fraġli, fejn minħabba l-qtugħ ta’ nifs, l-omeliji u diskorsi kellu jaqrahomlu xi ħadd ieħor.