Il-Papa Franġisku ta sorpriża lill-Kaptan tal-Air Malta, hekk kif għal għarrieda l-istess Papa daħal fil-kabina tal-kontroll tal-ajruplan sabiex isellem lit-tliet kaptani li kienu nkarigati mit-titjira lura lejn Ruma.
Il-Kaptan Frank Scerri, li nhar il-Ħadd tajjar l-ajruplan bit-titjira tal-Air Malta KM4282, li ħadet lill-Papa Franġisku lura Ruma rrakonta ma’ ONE News din l-esperjenza ta’ darba li hu kellu f’aktar minn tletin sena karriera fl-avjazzjoni.
“Malli tela’ jien kont qed fuq is-seat in-naħa l-oħra u malli għamilt l-ewwel eye contact sellimli kien għadu fuq l-ambulift. F’daqqa waħda jiena preparat biex nistartja u narah quddiemi hawn, ħadna ritratt miegħu imbagħad fl-aħħar reġa’ ġie jgħidilna grazzi. Dik is-serenità li għandu dik id-daħka, minkejja li kien għajjien xorta baqa’ b’dik id-daħka, qed din ħolma fil-fatt domt naħseb fuqha x’ħin mort id-dar”
Il-Papa reġa’ għamel l-istess malli spiċċat it-titjira, dan kontra l-protokolli tas-soltu.
Louiselle Cauchi, inflight manager mal-Air Malta, tgħid kif ħabta u sabta ma ratx lill-Papa f’postu.
“Indur u nara s-seat tiegħu vojt u għidt fejn mar il-Papa, Kien fil-flight deck biex jirrangrazzja l-flight crew. Minflok il-crew ħareġ isellimlu hu qabad u daħal u minflok reġa’ poġġa bilqiegħda ġie ħdejna fejn il-crew fil-galley, jistenna il-bieb jinfetaħ u dak il-ħin hekk għidt jien għandi l-Papa maġenbi.”
Wieħed mill-protokolli ta’ meta jsiefer Papa hu li fuq l-ajruplan iservih biss raġel.
Filfatt hekk kien sar fit-tliet żjarat tal-Papa preċedenti.
“Din id-darba dan il-Papa biddel il-protokoll u allura stajt inservih jien u kienet ta’ unur għalija li nservih”
Il-Kaptan Scerri saħaq ma’ ONE News li qabel it-titjira kien hemm ħafna loġistika xi ssir, fosthom li jinqalgħu xi siġġijiet mill-ajruplan, l-intern tal-Ajruplan jinfired fi tlieta u titwaħħal l-emblema tal-Papa.
Kollha affarijiet li jridu ċ-ċertifikazzjonijiet.
Il-Kaptan Scerri saħaq li l-akbar żewġ sfidi kienu l-ħin u kif ukoll it-temp ikrah li kien hemm fuq Ruma.
“Il-Mulej ried li morna u ġejna bla problemi. Fil-fatt huwa meta ġie minn Ruma s-Sibt filgħodu kien hemm il-maltemp ġewwa Ruma. Kienet tajba dak li pjanajna rnexxielna. Konna marbutin li nagħmluha f’siegħa u kwart, kienet daqsxejn tight għax ried jagħmel il-press conference. Kien għajjien imma dal-Papa għandu l-forza dan il-Papa li jkompli ma’ kulħadd.”
Tul il-karriera tagħha li waslet biex tispiċċa, Louiselle Cauchi serviet bosta persuni importanti, fosthom Kapijiet ta’ Stati differenti Iżda hija nnutat id-differenza fil-karattru tal-Papa li hu wkoll Kap ta’ Stat apparti li hu Kap tal-Knisja Kattolika.
“Tant hemm hu raġel umli, tant jitfa’ dik iċ-ċertu jikkalmak. Tiskanta l-eċċitament kien qabel milli tul it-titjira, għax l-umiltà tiegħu hi kbira ħafna. Hu raġel li he acknowledges you. Anke waqt li tkun miexja jħarislek, jidħaklek u allura tħossok aktar komda.”