Il-Vatikan ilbieraħ żvela ‘Popemobile’ ġdida tat-tip Mercedes G-Class, li se tkun qed tintuża mill-Papa Franġisku biex jilqa’ lill-pellegrini.
Din il-vettura hija l-ewwel ‘Popemobile’ li taħdem biss bl-elettriku u se tkun waħda nieqsa mill-emmissjonijiet tal-karbonju sabiex tissapportja l-pożizzjoni tal-Papa dwar il-ħarsien tal-klima hekk kif diversi drabi kien voċiferu dwar l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ambjentali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-grupp Mercedes-Benz Ola Källenius qal li hu ta’ unur li jipprovdu lil Papa bil-Popemobile l-ġdida hekk kif din hija tradizzjoni ta’ mitt sena bl-ewwel vettura tingħata lil Papa Piju XI fl-1930.
Källenius qal li din il-karozza unika hija frott ta’ mijiet ta’ sigħat xogħol b’passjoni.
Għadu ma tħabbarx meta se tiżżanżan din il-vettura iżda mistenni li tintuża mill-Papa Franġisku meta jivjaġġa fi Pjazza San Pietru waqt il-Ġublew 2025.