Fl-ewwel żjara internazzjonali tiegħu minn mindu għamel operazzjoni aktar kmieni din is-sena, il-Papa Franġisku mistenni li jiltaqa’ mal-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban waqt li se jkun fil-kapitali Budapest.
Il-laqgħa mistennija li tenfasizza fuq il-fehmiet differenti li għandhom dwar l-immigrazzjoni; hekk kif Orban huwa magħruf dwar il-pożizzjoni tiegħu li ma jilqax f’pajjiżu, dak li skontu huma immigranti llegali, b’mod speċjali bi twemmin reliġjuż Musulman u li jkunu ġejjin barra mill-Ewropa.
Minn naħa l-oħra l-Papa Franġisku minn mindu laħaq Kap tal-Knisja Kattolika saħaq fuq il-ħtieġa li jintlaqgħu refuġjati, irrispettivament mit-twemmin tagħhom, li jkunu ħarbu minn pajjiżhom minħabba gwerer jew vjolenza.
Intant, fi tliet ijiem li se jagħmel fi Slovakkja, il-Papa Franġisku se jkun qed jiltaqa’ mal-komunità Lhudija, fosthom anke persuni li salvaw il-ġenoċidju ta’ Holocaust.