Il-Papa Franġisku beda pellegrinaġġ lejn Fatima fiċ-ċentru tal-Portugall, post sakru fejn mistenni li jagħmel qaddisin żewġt itfal li kienu rgħajja.
Għaddew mitt sena minn meta ż-żewġt itfal flimkien ma’ tifla oħra qalu li kienu qed jaraw lill-Madonna waqt li kienu qed jirgħu lin-nagħaġ.
Il-Portugall żied is-sigurta u reġa impona kontrolli fil-fruntiera, filwaqt li ssospenda l-ftehim ta’ Schengen, hekk kif mal-miljun pellegrin mistennija li jaslu fil-pajjiż.
Il-Knisja Kattolika tikkunsidra l-viżjonijiet li kellhom it-tlett itfal bħala ta’ valur kbir, hekk kif huwa emnut li l-Madonna żvelat veritajiet lill-umanità.
Giaċinta u Franġisku se jkunu kanonizzati fil-jum tas-Sibt. Huma mietu fl-epidemija tal-influwenza li ħakmet l-Ewropa bejn l-elf disa mija u tmintax u l-elf disa mija u dsatax.
L-hekk imsejjħa tlett sigrieti ta’ Fatima nktibu mill-kuġina tagħhom Luċija, li mietet fl-elfejn u ħamsa fl-eta ta’ sebgħa u disgħin sena. Il-proċess tal-beatifikazzjoni tagħha beda fl-elfejn u tmienja.