“Ġesù hu r-rivelazzjoni tal-imħabba eterna tiegħu, li ġġib il-paċi fid-dinja.”
Dawn kienu l-kliem tal-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku fit-talba tal-Anġelus mit-tieqa tal-Palazz Appostoliku fil-Vatikan, meta wassal il-messaġġ tal-ewwel jum tas-sena lill-eluf ta’ nies li nġabru fi Pjazza San Pietru.
Il-Papa Franġisku tkellem dwar il-vanġelu li jirrakonta l-wasla tar-rgħajja fil-grotta f’Betlehem wara l-proklamazzjoni tal-anġli jgħidulhom dwar is-salvatur, il-Messija u l-Mulej.
Il-Papa appella biex kif għamlet il-Madonna ma’ binha Ġesu, l-ommijiet kollha dejjem jindukraw u jħobbu lil uliedhom bla qies u hawnhekk il-Papa Franġisku wassal messaġġ b’saħħtu kontra l-ġlied u l-gwerer.
Sadanittant, irrakkomanda li nirriflettu dwar kif nistgħu noffru b’mod liberu ġesti ta’ paċi, maħfra u rikonċiljazzjoni, hekk kif bil-ferħ tal-Evanġelju f’qalbna, nagħtu xhieda tagħna nfusna fid-dinja.