Għall-ħabta tas-7pm, il-Papa Franġisku ħalla lil pajjiżna wara żjara ta’ jumejn.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika qabad titjira tal-Air Malta KM4282, li se tieħu lill-Papa Franġisku minn Malta sal-Ajruport ta’ Fiumicino f’Ruma.
Kif wasal fl-ajruport, il-Papa Franġisku kellu laqgħa tal-aħħar flimkien mal-President ta’ Malta George Vella.
Preżenti wkoll kien hemm mart il-President, is-Sinjura Miriam Vella.
Il-Papa ngħata s-salut tal-aħħar mill-Forzi Armati ta’ Malta fuq ir-runway tal-ajruport, fejn indaqq l-innu tal-Vatikan u dak Malti.
Preżenti wkoll kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela u binthom Giorgia Mae, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Kardinal Malti Mario Grech, l-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Theuma u n-Nunzju Appostoliku Monsinjur Alessandro D’Errico.
Il-Papa deher kuntent biż-żjara u dalgħodu qal li se jibqa’ jgħożż l-esperjenzi li ħallewh mill-Maltin.