L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan ħabbar li l-Papa Franġisku reġa’ kellu attakk ġdid tal-bronkite ftit waranofsinhar il-Ġimgħa, li skont rapporti fil-midja hu differenti minn dak tas-Sibt li għadda.
Jirriżulta li dan ir-riskju ġdid f’saħħet il-Kap tal-Knisja Kattolika, li qed jiġi kkurat fl-Isptar Gemelli ta’ Ruma, wassal biex in-nifs tiegħu jmur lura u reġa’ beda jieħu n-nifs artifiċjali bil-maskra. Minkejja dan, jirriżulta li hu dejjem baqa’ viġilanti u orjentat, u qed jikkollabora fil-manuvri ta’ terapija. It-tobba xorta għadhom kawti dwar il-qagħda tiegħu.
Sorsi, li tkellmu mal-midja Taljana dwar il-valutazzjoni tat-tobba li qed jikkuraw lill-Papa, qalu li huma meħtieġa bejn 24 u 48 siegħa oħra biex ikun indikat aħjar kemm setgħet iggravatlu saħħtu.
Minkejja l-kundizzjoni, il-Papa Franġisku qed jiġi mgħejjun biss b’ventilazzjoni mekkanizzata, iżda s’issa għad ma kienx hemm bżonn li jiġi intubat.