Kollox preparat biex minn għada l-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku jibda l-vjaġġ Appostoliku ta’ erbat ijiem fl-Iraq.
Il-Papa Franġisku mistenni jitlaq mill-Vatikan għall-ħabta tas-7:00 ta’ filgħodu u jasal f’Baghdad, fejn hemmhekk se jiltaqa’ mal-Prim Ministru Mustafa Al Kadhimi u ftit wara jitlaq lejn il-Palazz tal-President għaċ-ċerimonja uffiċjali.
Fl-istess jum il-Papa Franġisku se jżur il-Knisja tal-Madonna tas-Salvazzjoni. Xena li hija sinonima mal-attakki terroristiċi minn sitt persuni tal-hekk imsejjaħ l-Istat Iżlamiku li splodew u qatlu 56 persuna, inkluż qassis.
Din iż-żjara Appostolika, mistennija tibgħat messaġġ ta’ inkoraġġiment lil eluf ta’ Iraqini li għadhom qed jirkupraw mill-gwerra qerrieda tal-hekk imsejjaħ l-Istat Iżlamiku.
F’dawn l-erbat ijiem, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku se jiltaqa’ għal ħin ta’ talb mal-Komunità Kristjana li rat persekuzzjonijiet u oppressjoni qawwija taħt l-hekk imsejjaħ l-Istat Iżlamiku fl-2014.
Din hija l-ewwel darba li Papa se jżur l-Iraq.